Google Maps

Residenti li joqogħdu fi Triq Zafran, f’Wied il-Għajn, biswit il-post fejn huwa maħsub li tinbena pompa tal-petrol fuq art ODZ, ressqu protest ġudizzjarju fil-Qorti Maltija biex iwaqqfu l-bini ta’ din il-pompa. Apparti l-bini ta’ pompa tal-petrol, din l-applikazzjoni qed tipproponi l-bini ta’ spazju għall-uffiċini, ħanut, garaxxijiet, car wash u spazju għall-parkeġġ.

Fil-protest ġudizzjarju, r-residenti jsostnu li dan l-iżvilupp se jsir għad-detriment ta’ saħħithom u s-sigurtà tagħhom. Jgħidu wkoll li l-bini ta’ din il-pompa tal-petrol se jkun qed jikser id-drittijiet u l-liberatijiet funadamentali tagħhom għax qed inaqqar mit-tgawdija tal-propjetà u l-valur tagħha.

Intant, 60 resident ieħor iffirmaw petizzjoni kontra din il-pompa tal-petrol u bagħtuha lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg. Minbarra li jerġgħu jsemmu l-impatti negattivi li jista’ joħloq dan l-iżvilupp wara darhom, ir-residenti jgħidu li n-notifika tal-applikazzjoni ġiet intenzjonalment imwaħħla mal-bini tal-entità governattiva Wasteserv. Jisħqu li dan sar “bi ħsieb qarrieqi biex jiddevja l-attenzjoni ta’ min kellu interess biex joġġezzjona”.

Pjanta tas-sit

Kien irrappurtat li s-sidien tal-pompa tal-petrol kienu taw donazzjoni ta’ €20,000 lill-Partit Laburista fl-2016.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet li għadha qed tistenna l-Environment Impact Assessment li għadu ma tlestiex u se tifforma l-oppinjoni tagħha abbażi ta’ dan ir-rapport ambjentali. Dan filwaqt li anki Transport Malta qalet li għadha qed tistenna aktar dokumentazzjoni b’rabta ma’ din l-applikazzjoni inkluż dwar il-viżibiltà tas-sewwieqa mit-toroq u indikazzjoni ta’ kif se jiġu l-bankini fl-entratura lejn il-pompa tal-petrol.

Il-Kumitat għad-Disinn fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar kellu opinjoni negattiva dwar dan il-proġett għax qal li wara li ġew analizzati l-photomontages ippreżentati mill-applikant deher li se jħallu impatt negattiv fuq il-pajsaġġ tal-madwar.

Il-protest ġudizzjarju ġie ffirmat mill-Avukati Natalino Caruana De Brincat u Melhino Mercieca.