10:53 Wara li xhedu l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, l-Imħallef ħareġ digriet li fih ta 10 ijiem biex jissottometti lista tan-nies biex jixhdu. Il-każ ġie aġġornat għal 26 ta’ Novembru fid-9am.

10:36 Bonnici jgħid li huwa u Kurt Farrugia assistew il-Prim Ministru biex huwa jipprepara għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħadd. Bonnici saħaq li huwa assista lill-Prim Ministru fuq il-punt tal-pubblikazzjoni.

Bonnici jgħid li huwa talab għal kopja elettronika tal-inkjesta lill-AĠ, huwa spjega li kien infurmah li l-Prim Ministru kien jaf dwar it-talba tiegħu. Bonnici jwieġeb li ma kienx hemm talba bil-miktub għall-inkjesta dan għaliex huwa diġà kellu aċċess għall-kopja printjata. Galea saqsa jekk kienx hemm kundizzjonijiet dwar l-inkjesta, b’Bonnici jgħid li meta għaddielu l-kopja elettronika l-AĠ ma għamillu l-ebda kundizzjoni. Bonnici saħaq li l-AĠ r-raġunijiet li tah dwar għalfejn huwa kontra l-pubblikazzjoni tar-rapport fl-intier tiegħu u dan kienu pubbliċi fl-istqarrija mill-AĠ.

Bonnici jwieġeb li qara l-inkjesta, waħdu u ma kienx mgħejjun minn xi terzi. Bonnici ġie mistoqsi jekk iddiskutiex l-inkjesta ma’ terzi, fejn wieġeb li huwa tkellem dwar dak li kien pubbliku ma’ nies. Bonnici saħaq li l-interess tiegħu huwa li jipproteġi persuni terzi li huma msemmiha fl-inkjesta. Huwa ġab eżempju b’persuna barranija li jaf għandha kont f’Malta u li d-dettalji tagħha jiġu imperċa, huwa saħaq li dan għandu implikazzjonijiet fuq il-ġurisdizzjoni Maltija.

Bonnici jgħid li huwa la ntalab lanqas ta kopji tal-inkjesti kemm minn membri tal-Gvern u lanqas lil terzi. Bonnici meta mistoqsi saħaq li ma għadda l-ebda kopja lil xi membru tal-Parlament.

Bonnici spiċċa xhieda tiegħu billi qal li kieku kien qed jagħmilha ta’ avukat huwa ma kienx se jitla’ jixhed għax kien se jkun kopert bis-sigriet professjonali.

10:18 Jitla jixhed il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. Galea saqsa lil Bonnici kif jaqa’ l-Uffiċċju tal-AĠ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja, u kif l-Uffiċċju huwa indipendenti mill-istess Ministeru. B’Bonnici jibda jispjega li l-Avukat Ġenerali huwa protett mill-kostituzzjonali u jista’ jitneħħa biss b’żewġ terzi tal-kamra. Huwa saħaq li din hija l-awtonomija li jgawdi l-AĠ meta kkumparat mal-Ministru tal-ġurnata.

Bonnici saħaq li l-AĠ huwa protett mill-kostituzzjoni, huwa qal li l-AĠ jgawdi mill-awtonomija anki meta jilbes l-kappell ta’ konsulent tal-Gvern.

Bonnici jiċħad li ma kellu l-ebda rwol fl-inkjesta, meta mistoqsi minn Galea x’rwol kellu qabel ma din ingħalqet. Bonnici saħaq li ma kellu assolument l-ebda rwol fl-inkjesta. Huwa kompla b’referenza għall-artiklu li deher f’ġurnal li fih inkiteb li l-maġistrat inkwirenti kien qed jiġi mfixxkel billi ma jsirx pagament fil-ħin tal-esperti, iżda Bonnici qal li l-ħlas jaqa’ taħt il-procurement u mhux mill-Ministeru tiegħu. Huwa qal li kien aċċertat li l-pagamenti kienu saru.

Galea saqsa meta sar jaf li tlestiet l-inkjesta, Bonnici wieġeb li s-Sibt filgħodu, l-AĠ ċempel lil Bonnici li l-inkjesta tlestiet u li l-AĠ infurmah li kien se joħroġ stqarrija. Bonnici kien mistoqsi għala Grech ħass il-bżonn li jinforma lil Bonnici. Bonnici spjega kif l-inkjesta waslet għand l-Uffiċċju tal-AĠ il-Ġimgħa u informa lil Bonnici s-Sibt filgħodu qabel ma nħarġet l-istqarrija pubblika mill-Uffiċċju tal-AĠ.

Il-Ministru Bonnici qal li huwa rċieva kopja tal-inkjesta siegħat wara s-Sibt mingħand l-avukat Pawlu Lia. Bonnici qal li rċieva kopja fiżika. Bonnici wieġeb li huwa qatt ma ddiskuta l-inkjesta mal-AĠ, iżda ddiskuta l-pubblikazzjoni tal-istess inkjesta mal-AĠ. Huwa kompla jispjega dwar l-assistenza li ta lill-Prim Ministru, fejn saħaq li l-AĠ kellu fehma filwaqt li l-Prim Ministru kellu fehma differenti dwar il-pubblikazzjoni tal-inkjesta.

10:12 Meta mistoqsi dwar meta jispiċċa l-proċess ta’ redazzjoni hux se jkun qed jippubblika. Muscat wieġeb li huwa kontra li jiġu ippubblikati t-terzi persuni li mhumiex fil-ħajja pubblika. Huwa kkjarfika ukoll li huwa għadu reżolut li jippubblika l-inkjesta u ngħata l-parrir li ma jippubblikax ir-rapport fl-intier tiegħu biex ma jostakolax l-investigazzjonijiet għaddejjin u li jaf iwassslu biex jinstab min kien il-moħħ wara Egrant. Huwa saħaq  “il-persuni responsabbli min din il-frodi fil-konfront tagħna nittama li l-persuna jew persuni, jinqabdu u jitressqu l-qorti”.

10:05 Ikompli Muscat wara diversi oġġezzjonijiet għall-mistoqsijiet diretti. Huwa jgħid li l-allegazzjonijiet li saru kontrih u martu kif ukoll wara bil-koordinazzjoni fosthom ta’ protesti fit-toroq li kien se jwassal għad-distabilazzjoni tal-pajjiż, li fi kliem Muscat wasslu biex huwa jsejjaħ elezzjoni bikrija.

Huwa jgħid li għadu qed idur l-inkjesta biċċa biċċa, iżda meta ra l-konklużjonijiet li fi kliemu huma “tant ċari” huwa qal li ftehmu l-konklużijonijiet kienu “waterproof”. Muscat kompla jisħaq li kien attentat ċar għad-distabiliżazzjoni tal-pajjiż. Huwa kompla jsostni li kien hu li mar għand il-qorti biex jinvestiga dan kollu.

Muscat argumenta li għalkemm huwa mill-ewwel qal li kien se jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta, l-inkjesta bħalissa għaddejja minn proċess ta’ redazzjoni qabel din tiġi ppubblikata. Muscat kompla jgħid li ħa l-parrir biex ir-rapport ma jiġix ippubblikat sħiħ biex b’hekk ma jiġux ostakolati l-investigazzjonijiet għaddejjin u l-possibilità li forsi jinqabad min kien il-moħħ wara dan kollu mingħajr mal-persuna jew persuni jispiċċaw “scot-free”.

9:53 Muscat kompla li dakinhar li l-Ministru tal-Ġustizzja għarrfu li l-inkjesta waslet għand l-Avukat Ġenerali qal lil Muscat li l-Avukat Ġenerali qallu li ma jaqbel xejn li jiġi ppubblikata l-inkjesta għajr l-konklużjonijiet. 

Il-Prim Ministru jisħaq li l-kopja waslet għandu mingħand l-avukat tiegħu wara li dan tal-aħħar kiteb lill-AĠ, filwaqt li l-parir kontra l-pubblikazzjoni ngħata lil Bonnici.

L-avukat Galea saqsa lil Muscat jekk jafx li l-AĠ qal li ma għamel l-ebda restrizzjoni dwar pubblikazzjoni. Bl-Avukat Ġenerali jagħmel joġġezzjona għad-domanda li saret, u bl-Imħallef jilqa’ l-oġġezzjoni.

9:37 Jibda jixhed il-Prim Ministru Joseph Muscat. L-avukat Galea saqsa lill-Prim Ministru min hu l-konsulent personali tiegħu, b’Muscat ikkonferma li huwa l-avukat Pawlu Lia. Preżenti mal-Prim Ministru hawn Luke Dalli u d-deputat Robert Abela.

Muscat kien mistoqsi dwar kif waslet għandu l-inkjesta. Il-Prim Ministru jwieġeb li huwa ġie infurmat is-Sibt filgħodu mill-Ministru tal-Ġustizzja li l-inkjesta kienet waslet għand l-Avukat Ġenerali. Muscat kompla li huwa informa lil Lia biex jitlob kopja tal-inkjesta għan-nom tal-Prim Ministru. Huwa spjega li kien diversi siegħat wara li rċieva kopja fiżika tagħha u li ma għandux kopja elettronika tagħha. Huwa jikkonferma li Lia għaddielu kopja fiżika. L-avukat Galea saqsa lil Muscat jekk iddiskutiex id-dokument meta wasal għandu. Muscat spjega li huwa kien rabat il-karriera politika tiegħu ma’ dik l-inkjesta, hu saħaq li kieku instab xi ħjiel li dak li kien allegat huwa minnu kien se jirreżenja. Huwa saħaq li huwa insista li jkollu l-inkjesta kollha.

Muscat qal li huwa ddiskuta l-inkjesta mal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, qal li għamel dan għamlu minħabba li ried ikun ċert li l-istqarrija li ried jagħmel ma kienet bl-ebda mod se jippreġudika każijiet li nqalgħu wara. Muscat jgħid li konsulta mal-Kap tal-Kommunikazzjoni tiegħu, Kurt Farrugia, fejn tkellmu fuq id-dettalji u l-preparamenti meħtieġa dwar kif kien se jikkomunika l-istqarrija. Meta mistqosi kif waslet il-kopja għand Bonnici u kif waslet għand Farrugia. B’Muscat iwieġeb li Bonnici rċievha mingħand l-Avukat Ġenerali u Muscat qal li ta l-kopja tiegħu lil Kurt Farrugia.

Galea saqsa minn min qed issir l-analiżi b’Muscat jirrimarka li “ironikament huwa spiċċa l-qorti, meta hu u martu huma l-vittmi f’dal-każ”.

Muscat jibda jispjega għalfejn l-analiżi, huwa jgħid li fl-ewwel parti tal-inkjesta li hemm nies li mhumiex fil-ħajja pubblika. Skont il-Prim Ministru, l-avukat ġenerali sostna kontra li l-inkjesta tiġi ppubblikata.

Huwa saħaq li l-uniċi tliet persuni li għandhom aċċess minn naħa tal-Prim Ministru huwa Pawlu Lia, Kurt Farrugia u Owen Bonnici.

9:35 L-imħallef Robert Mangion joħroġ digriet dwar il-presenza tal-avukat Pawlu Lia fil-Qorti, u fiha laqa t-talba tal-avukat ta’ Delia li Lia ma għandux jkun preżenti fl-awla minħabba li huwa indikat bħala xhieda.

9:30 Għadha għaddejja t-trattat bejn iż-żewġ partijiet jekk l-avukat Pawlu Lia hux se jibqa’ ġol-awla jew le. Intant, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici jinsabu jistennew barra mill-awla.

9:10 L-avukat ta’ Delia qed joġġezzjona għall-presenza tal-avukat Pawlu Lia fl-awla minħabba li huwa kien indikat bħala xhieda fl-istess każ. Is-smiegħ ġie sospiż għal 10 minuti biex dan jiġi trattat.

Ninsabu f’Awla 17 fejn mistenni jkompli jinstemma l-każ kostituzzjonali li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kontra l-avukat ġenerali fejn qed jitlob kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta dwar it-tielet kumpanija fil-Panama, Egrant. S’issa ħareġ li l-avukat ġenerali ta kopja tal-inkjesta lill-Prim Ministru Joseph Muscat u ftit jiem wara għadda kopja elettronika lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.