Id-ditta tal-awdituri Pro Corporate Services iddeskriviet bħala kompletament ivvintata (total fabrication) storja li l-gazzetta MaltaToday ħarget kontra l-Membru Ewroparlamentari, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa. L-istess awdituri qalu li r-rapport fil-MaltaToday mhux biss mhux veru iżda dak li qed jiġi allegat l-anqas biss jista’ jsir.

David Casa mill-banda tiegħu mhux biss ċaħad l-allegazzjonijiet iżda iddeskrivihom bħala t-tkomplija tal-kampanja kordinata kontra tiegħu. Huwa iddeskriva bħala gidba  l-akkuża li għamel xi irċevuti imaġinarju jew li qatt kellu xi fond sigriet biex jintuża għal dawk li l-gazzetta sejħitilhom affarijiet misterjużi.

L-awdituri qalu ukoll illi l-ħlasijiet li jieħdu l-impjegati huwa verifikati wkoll mid-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi fi ħdan il-Parlament Ewropew

Il-gazzetta MaltaToday illum irrapurtat wkoll li eks-impjegat ta’ David Casa qalilha li Casa ma ipprovdiex irċevuti li juru li nefaq il-€50,000 li huma provduti għal spejjeż ġenerali. Apparti minn hekk, il-MaltaToday irrapurtat li l-paga ta’ dan l-eks impjegat, skont id-dokumenti li ssottometta Casa għat-taxxa, kienet ta’ €101,513 fl-2009, iżda dan l-impjegat qal li fil-verità, huwa ma rċeviex dawn il-flus.

Casa rrisponda għal dan billi qal li l-paga ta’ Brussell ta’ dan l-impjegat inbidlet għal paga f’Malta, u saħaq li kien jispjega dan lill-MaltaToday kieku staqsewh. Żied jgħid li ġie akkużat wkoll li kien involut sabiex iqassar l-ismijiet tal-impjegati fuq is-sit tal-Parlament Ewropew biex jaħbi l-identità tagħhom. Saħaq li min jafu, jaf li m’huwix minnu li jiddisassoċja ruħu mill-kunjom ta’ Fenech Adami u Caruana Galizia.

It-tieni akkuża f’sebat ijiem

Il-Ħadd li għadda dan l-istess impjegat li għamel l-akkuża li dehret akkuża lil Casa li kien jieħu d-drogi waqt parties li jorganizza fil-weekend. F’reazzjoni għal dik l-akkuża disa impjegati li jaħdmu fl-uffiċċju ta’ David Casa ħarġu stqarrija biex jiċħdu dawn għal kollox dawn l-akkużi li huma ddeskrivew bħala ‘attakk vili’ . Id-disa’ impjegati ta’ Casa qalu li huma dejjem raw imġiba professjonali, eżemplari u dedikata mill-MEP Nazzjonalista. Żiedu jgħidu li huwa minħabba f’hekk li ħadmu miegħu.

Ħidma ta’ Casa

F’dawn l-aħħar xhur il-MEP Nazzjonalista kien attiv ħafna fil-ħidma tiegħu u kien hu illi ippubblika rapport tal-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) li kien għadu mistur u li kien jirrakkomanda passi kontra l-Ministru Konrad Mizzi. L-MEP bagħat it-tieni ittra tiegħu indirizzata lill-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE, Vera Jourova, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, li fiha jisħaq fuq il-bżonn ta’ inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana GaliziaCasa stieden lil Noor Bank li hu bbażat f’Dubai biex jippubblika informazzjoni ta’ identifikazzjoni dwar min kien se jibbenefika minn flus mogħtija mill-kumpanija  17 Black. F’Settembru il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba kien allega li Casa kien qed jikser regoli tal-Parlament Ewropew u talab lil Tajani biex jinvestigah. Il-Parlament Ewropew wara li investiga l-akkużi kien qal li Casa mexa sew.