Waqt id-diskors tiegħu dwar il-Baġit, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li għalkemm il-ħajja għoliet 1.6% b’mod ġenerali, l-ikel għola b’4%, din hija statistika li kien ħariġha l-Gvern stess. Hu qal li meta wieħed iqis li hemm familji li, l-biċċa l-kbira ta’ dak li jaqilgħu, jonfquh fuq l-ikel, iż-żieda ta’ 4% jħalli piż kbir fuq dawn in-nies. Qal li mhux biżżejjed li l-pajjiż ikun qed imur tajjeb, imma huwa importanti li n-nies, kull individwu jkun qed imur tajjeb ukoll.

Meta wieħed iqabbel in-nefqa tan-nies mal-ammont ta’ nies li qed jidħlu f’Malta, Delia qal li n-nefqa mhux minnu li żdieded. Delia qal li wieħed irid jifhem li l-Gvern qed jgħid li biex Malta tibqa’ sejra kif aħna sejrin, iridu jibqgħu jiġu aktar nies minn barra biex l-ekonomija tkompli tikber għax skont Delia, il-Gvern ma jafx b’mod ieħor ta’ kif ikabbar il-livell ta’ ħajja ekonomika.

Delia qal li l-ħaddiema qed joħolqu l-ġid, iżda l-Gvern qed joħloq il-faqar. Skont Delia dan qed isir għax lill-ħaddiem qed iżommu skjav u qed iġegħlu jittallab minflok idur is-setturi u jtejjibhom biex l-istudenti joħolmu u jaħdmu biex jilħqu livell dejjem aħjar. Delia qal li l-Gvern ma jimpurtaħx ħlief minn dawk li qegħdin madwaru  biex jiffangaw fuq ħaddieħor.

Meta mistoqsi dwar x’se jkunu t-tempi prinċipali li se jindirizza fid-diskors tiegħu għada fil-parlament, Delia qal li t-temi prinċipali se jkunu n-nies, x’inhuma l-veru problemi li n-nies qed jiffaċċjaw. It-tieni tema se tkun il-pajjiż u x’inhuma l-proġetti għall-futur. Delia qal li fil-baġit kellu jkun hemm pjanijiet għall-futur meta wieħed qed igawdi minn-surplus, jistenna li jkun hemm pjani sodi

Il-PL jgħid li l-familji stess jistgħu jwieġbu jekk hux verament qed jgħixu aħjar. 

Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li l-pajjiż huwa suċċess permezz tad-deċiżjonijiet importanti li l-Gvern ħa fil-pjan tiegħu li beda fl-2013. Kompla żied meta qal li l-Baġit 19 qed joffri l-viżjoni biex il-familji kollha Maltin u Għawdxin ikomplu jgħixu f’suċċess.