Il-każ tal-intervista ta’ Liam Debono ma’ Xarabank li ma xxandritx wara deċiżjoni tal-Maġistrat Joseph Mifsud qajjmet dibattitu fuq il-media dwar l-rwol tal-ġurnaliżmu f’każijiet ‘sub-judice’.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu għal protest ġudizzjarju li resqu l-avukati ta’ Simon Schembri, l-Avukat Ġenerali qal li wasal iż-żmien li l-parlament Malti jimxi fuq il-passi tal-House of Commons Ingliża li, 37 sena ilu, ċċensurat ġurnaliżmu li jiddiskuti każijiet pendenti magħrufa aħjar bħala każijiet ‘sub-judice’.

Dr Peter Grech qal li dan li sal-lum fl-etika ġurnalistika jitqies bħala awto-ċensura fejn il-mezzi tax-xandir kien joqgħodu lura billi jiddiskutu każijiet pendenti għandu jiġi regolat wara li sezzjonijiet al-medja qed jieħdu l-liberta’ li ixandaru artikli jew programmi dwar każijiet sub judice bl-iskop li jinfluwenzaw lil min irid eventalwent jiġġudika.

Il-preżentatur ta’ Xarabank Peppi Azzopardi ddefenda d-deċizjoni tal-produzzjoni tal-program li għamel intervista ma’ Liam Debono u qal li ċ-ċensura hija kwistjoni serja li għanda tħasseb lill-ġurnalisti kollha f’Malta.

Huwa staqsa kif f’każijiet simili meta l-programm iddiskuta l-każijiet ta’ Chris Bartolo, persuna b’kilwa waħda li daħal il-ħabż, William Agius, persuna riabilitata mid-droga li weħlet sentenza l-ħabż u li qajmet reazzjoni mill-Prim Ministru u l-każ ta’ Dorianne Camilleri li weħlet il-ħabż wara li tajret żewġ anzjani, kollha kienu każijiet sub-judice, u l-program Xarabank għen billi tinħoloq kuxjenza favur il-każiijiet tagħhom u l-programm qatt ma twaqqaf billi jxandar intervisti magħhom.

Azzopardi qal li bħalissa qed jieħu pariri legali dwar il-każ Liam Debono.