Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li m’hawnx persuna waħda f’Malta li ma marritx ‘il quddiem permezz ta’ dan il-baġit.

Meta kien qed jitkellem waqt attivita’ politika fil-Gżira, Muscat qal li  iddur fejn iddur, “…ma ssib imkien persuna waħda li ttieħidlu imqar ċenteżmu wieħed minn dan il-baġit”.

Muscat qal li l-Gvernijiet tal-futur se jsibu bażi fuq xiex jibnu għax Gvern Laburista ħallas id-dejn ta’ €300 miljun ewro ta’ Gvernijiet preċedenti mingħajr ma żied l-piżijiet. Huwa qal li l-pjan tal-Gvern huwa bbażżat fuq t-tkattir tax-xogħol. Muscat qal li hu wiret sitwazzjoni fejn kien hemm 8,000 ruħ qegħda u illum hemm 71 fil-mija tan-nies li jistgħu jaħdmu, għandhom impjieg waqt li sitta minn kull għaxar nisa qed jaħdmu.

Il-Prim Ministru qal li f’dan il-baġit, il-Gvern ta daqqa oħra lill-faqar filwaqt li ammetta li l-faqar għandu jeżisti u mhux perċezzjoni. Għar-raba’ sena, il-gvern żied il-pensjonijiet lill-92,000 anzjan minkejja li kienu ilhom ma jiżdiedu 25 sena.

Huwa qal li l-ekonomija tkabbarha biss bil-fiduċja tan-nies. Il-Prim Ministru qal li l-ebda kampanja ta’ tfigħ tat-tajn mhu se tnaqqas il-fiduċja tan-nies u l-ebda ‘twerżiq’ kontra Malta mhu ttellef din il-fiduċja għax in-nies għandhom il-polz fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż.

Il-Prim Ministru qal li l-pjan tal-Gvern hu li jiżgura li l-ebda tifel jew tifla f’Malta ma jgħixu fil-faqar. Muscat qal li permezz ta’ dan il-baġit din il-viżjoni se titwettaq is-sena d-dieħla.

Fl-aħħar mill-aħħar, temm jgħid Muscat, is-suċċess tal-gvern jitkejjel meta wieħed irid jistaqsi lilu nnifsu “Int qed tgħix aħjar milli kont qed tgħix sitt snin ilu?”

Fi tweġiba, il-PN jgħid li Muscat qed jifraħ b’suċċes li mhux kulħadd qed igawdi minnu.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, intqal li l-faqar finanzjarju żdied b’10,400 fl-aħħar 5 snin. Il-Partit tenna wkoll li l-pagi jinsabu taħt pressjoni minħabba li qed jinħoloq iċ-cheap labour permezz tal-politika tal-Gvern, li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni.