Elton Alexandre Da Silva rebaħ il-BOV GFA plejer tax-xahar wara li kellu rwol importanti fi ħdan it-tim Għawdxi ta’ Victoria Hotspurs matul ix-xahar ta’ Settembru.

L-attakkant Brażiljan ta’ 33 sena ngħaqad ma’ Victoria Hotspurs sena ilu u għenhom jirbħu l-kampjonat 2017-18 b’vantaġġ ta’ 15-il punt fuq Nadur Youngsters. Da Silva kompla fuq il-wirjiet tajbin tal-istaġun li għadda hekk kif skurja sensiela ta’ gowls importanti kontra Msida St Joseph fil-fażi preliminari tal-FA Trophy, kif ukoll kontra Nadur Youngsters u Kercem Ajax fil-kampjonat Għawdxi.

Horace Laudi, rappreżentant ġewwa Ġħawdex għall-Bank of Valletta, ppreżenta t-trofew lil Da Silva li min-naħa tiegħu għażel lill-Fondazzjoni Arka sabiex tibbenefika mid-donazzjoni marbuta ma’ dan l-unur.