08:35pm Huwa qal li l-Gvern irid jibda jħares lejn il-kapaċitajiet tal-Maltin, billi ħares lejn il-kapaċitajiet tal-Maltin biex ikabbar l-ekonomija. Gvern li jaddotta politika li tħares lejn kull membru tas-soċjetà tal-lum waqt li tieħu ħsieb il-ġenerazzjonijiet tal-futur. Delia qal li f’Malta aħna għamilna suċċess meta fhimna u emminna fil-kapaċijiet tal-Maltin.

“Jien nemmen f’pajjiż nadif f’aktar minn sens wieħed, kburi li jemmen f’dak li hu tajjeb u sabiħ u mibni fuq mudell sostenibbli li ma jbiddilx is-sħiħ mar-riħ”, temm id-diskors tiegħu Delia.

08:20pm Adrian Delia sostna li l-PN ippubblika dokument b’50 proposta qabel il-baġit taħt l-isem ‘Ekonomija min-nies għan-nies’ peress li l-Partit jemmen li l-ekonomija tikber biss bil-kontribuzzjoni tan-nies. Huwa qal li fost il-proposti hemm li l-Gvern irodd lura l-flus li seraq lil 80% tal-konsumaturi f’kontijiet għolja tad-dawl u l-ilma.

08:10pm Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jgħid li s-settur tal-gaming u tas-servizzi finanzjarji huma l-pedamenti tal-ekonomija Maltija. Huwa qal li dak li qed jiġri fis-SataBank huwa riżultat tal-fatt li Gvern Malti lagħab ir-“Russian Roulette” bir-reputazzjoni ta’ Malta billi fetaħ l-ekonomija għal kulħadd mingħajr skrutinju (due diligence) serju.

08.00pm Ħames snin wara l-wegħda tal-Gvern li jeredika l-faqar f’Malta, il-faqar finanzjarju żdied minn 62,000 għal 72,000. Huwa qal li l-Gvern issa qed jaqta’ qalbu tant li l-wegħda ta’ dan il-baġit hi li l-ebda tifel u tifla ma jsofru l-faqar. “Għal PN, ħadd m’għandu jsofru l-faqar. Kulħadd għandu dritt li jgħix ħajja diċenti,” hu stqarr.

07.55pm Delia qal li skont ċifri tal-Gvern dwar l-għoli tal-ħajja juru żieda fl-għoli tal-ħajja ta’ 1.1%, waqt li ż-żieda fuq il-prodotti tal-ikel kienet ta’ 4.4%. Huwa qal li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ €2.33 tittiekel filgħodu meta l-mara tad-dar tmur tixtri l-ħobż u l-ħalib.

07.48pm Stqarr li l-PN ma jistax jaqbel mal-politika tal-Gvern dwar għasses tal-Gvern f’postijiet sensittivi. Żied jgħid li f’Paceville biss se jara x’jagħmel biex jindirizza l-kriminalità. “Investiment miżeru fil-Korp tal-Pulizija”, saħaq Adrian Delia.  Ikkwota ġurnal lokali li lbieraħ li qal li minn 16-il għassa f’Għawdex kien hemm 11 magħluqa.

07.46pm Dwar is-saħħa, Adrian Delia tenna d-determinazzjoni tal-partit tiegħu li juża l-mezzi legali kollha biex iħassar il-ftehim li l-Gvern għamel ta’ VGH u jrodd lura l-isptarijiet lill-Maltin. Huwa qal li l-lista ta’ stennija għal operazzjoni żdiedet għal 63,000 pazjent li jistenna perjodu medja ta’ 8 xhur.

07.45pm Dwar it-trasport, Adrian Delia qal li r-rata ta’ 84 karrozza ġdid kuljum mhix aktar sostenibbli tant li jekk tpoġġi l-karrozzi kollha wara xulxin tkopri t-tul ta’ Malta għal tliet darbiet. Huwa qal li s-soluzzjoni hija trasport pubbliku effiċjenti u madankollu dan ma jeżistix minkejja li s-sussidju tela’ minn €6 miljun għal €30 miljun. Delia qal li f’din is-sitwazzjoni t-trasport pubbliku għandu jkun b’xejn għaż-żgħażagħ kollha sal-età ta’ 25 sena.

07.35pm Dwar il-kirijiet, Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jagħti garanzija li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu. Huwa qal li t-3,200 familja li qed jistennew li jingħataw akkomodazzjoni soċjali wara sitt snin, issa l-Gvern se jagħtihom kopja tal-White Paper dwar il-kera. Huwa li din il-proposti tal-Gvern fil-qasam tal-housing tassew jistħoqqilhom li jissejħu White Paper għax hija karta bajda, vojta u nieqsa mill-ideat.

07.30pm Adrian Delia qal li rapport tal-Euronews  jiddeskrivi lill-Malti bħala “d-dirty man in Europe” b’inqas minn 7% ta’ riċiklaġġ waqt li t-tieni l-inqas pajjiż fl-UE li jirriċikla huwa r-Rumanija b’14%.

07.10pm Adrian Delia qal li l-qagħda reali tal-ekonomija Maltija ngħatat minn David Pilling, editur tal-Financial Times li kien il-mistieden tal-konferenza tal-EY fejn intqal li sfortunatament Malta m’għadhiex tattira investiment kif kienet tagħmel qabel. Huwa qal li Pilling spjega kif meta l-Gvern ikkonċentra fuq aspett wieħed għat-tkabbir ekonomiku, jitraskura aspetti oħra. L-editur tal-Financial Times qal li meta tkabbar l-ekonomija ma jfissirx li kulħadd qed igawdi minn dan it-tkabbir. Huwa spjega kif jekk ikollok żewġ persuni b’paga medja ta’ €30,000 fis-sena u ddaħħal barrani miljunarju u tgħoddu magħhom, il-medja tal-paga se tiżdied.

Adrian Delia stqarr li l-Gvern qal li t-tkabbir ekonomiku kien tkabbir kosmopolitan milli kabbar il-popolazzjoni biex intefaħ it-tkabbir ekonomiku. “Il-Gvern kabbar l-ekonomija mhux billi kabbar il-but tal-ħaddiema iżda billi żied il-bwiet għax żied il-ħaddiema,” hu spjega.

Huwa qal li s-sena li għaddiet, il-ħaddiema barranin żdiedu bi 15,000, bi 11,000 minnhom ġejjin minn pajjiżi barra l-UE. Delia qal li l-popolazzjoni tiżdied minn 430,000 fl-2013 għal 476,000 is-sena l-oħra. Huwa qal li ż-żieda naturali kienet biss 3,000.

6.55pm Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li d-diskors tal-baġit kien aktar diskors ta’ x’ma ntqalx milli ta’ dak li ntqal. Huwa qal li l-ħajja għoliet tant li l-ikel ogħla b’4% u b’għadd ta’ familji mingħajr saqaf fuq rashom, li dejjem qed jikber.

Huwa qal li t-tema tal-baġit magħżula mill-Gvern kienet ‘Malta ngħixu s-suċċess’, madanakollu l-Gvern irid jgħid min qed jgħix is-suċċess.

“Is-suċċess qed jgħixuh dik il-konsulenta tal-Gvern li qed tingħata €16,000 fis-sena, dak id-deputat tal-Gvern li ngħata nofs miljun ewro minn flus il-poplu kif ukoll għal dak il-membru parlamentari li qed jingħata konsulenza ta’ €100 fis-siegħa.”

6.50pm Adrian Delia qal li hemm numru ta’ miżuri tajbin fil-baġit iżda huma ‘l bogħod milli jisolvu l-problemi. Saħaq li dan hu gvern tal-PR u mhux tal-PL (Partit Laburista) għaliex il-ħaddiem u ż-żgħir m’għadux jeżisti għall-Gvern Laburista.

6.45pm Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrimarka li dan il-baġit għandu difett ewlieni, li huwa nieqes mill-viżjoni biex isolvi l-problemi li ħoloq hu stess.

Huwa qal li l-Gvern qed jiekol għal-lum mingħajr ma jinvesti għal għada. Stqarr li fid-diskors tiegħu se jkun qed juri l-viżjoni tal-Oppożizzjoni li toħloq impjiegi ta’ kwalità b’immigrazzjoni intelliġenti.

Delia qal li l-Oppożizzjoni trid tirrappreżenta lin-nies li jħossu li ma marrux tajjeb f’dan il-baġit. Delia qal li hu veru li hemm minn sejjer tajjeb taħt dan il-Gvern iżda hemm oħrajn li qed jintlaqtu mill-għoli tal-prezzijiet tal-ħalib u ħobż fost l-oħrajn.

“Diskors tal-Halloween” – Joseph Muscat

B’reazzjoni għad-diskors ta’ Adrian Delia, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li d-diskors ta’ Delia kien “diskors tal-Halloween, li jipprova jbeżża’ u li ħadd ma jista’ jieħdu bis-serjetà”.  Kompla jgħid li Delia xiref b’mod perikoluż, dak li sejjaħ “diskors tal-lemin estrem” u li wieħed qatt ma sema’ fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.  Dr Muscat insista li l-Oppożizzjoni m’għandhiex idea ta’ strateġija ekonomiku. Wiegħed li l-Gvern se jkompli jaħdem biex iżid ix-xogħol u li għada fil-Parlament se jkun qed jispjega d-diffikultajiet li għandu l-Kap tal-Oppożizzjoni.

“Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti” – Godfrey Farrugia