Il-Partit Demokratiku qed jitlob kjarifika lill-Awtorità tal-Artijiet kif ukoll li tieħu miżuri urġenti fost l-oħrajn li tistaqsi lill-Awtorità tal-Ippjanar biex terġa’ tevalwa l-applikazzjoni ta’ xogħol biex issir boutique hotel fiċ-Ċittadella.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku insista li x-xogħlijiet li qed isiru ħdejn il-foss taċ-Ċittadella huma bla permess. Spjega li parti minn dan il-wirt storiku ttieħed minn imprenditur privat biex issir lukanda.  Staqsa wkoll għaliex is-Sovrintendent ma ndaħalx fl-istadju ta’ applikazzjoni, billi uża l-veto.

Il-Partit Demokratiku qed isejjaħ għall-kontabbilità f’dak li sejjaħ sparpaljar kontinwu tal-wirt pubbliku, anke f’Għawdex.

Irrimarka li ċ-Ċittadella hi sit dinji tal-UNESCO li kien ġie restawrat b’fondi lokali u tal-Unjoni Ewropea.  Il-partit tal-oranġjo insista li dak li hu tal-poplu, inkluż it-taxxi tagħhom, jintużaw għall-ġid tal-pubbliku u mhux tal-investituri.

Ilbieraħ filgħaxija, il-Kap tal-Partit Demokratiku, Dr Godfrey Farrugia, staqsa mistoqsija parlamentari lill-Ministru għall-Ġustizzja u Kultura Owen Bonnici dwar din il-kwistjoni, u dan assigura l-Kamra li s-Sovrintendent se jixtarr biex jissalvagwardja dan il-patrimonju.