DOI - Reuben Piscopo.

20:30 Jiġi fi tmiemu d-diskors tal-Prim Ministru.

20:28 Muscat qal li l-Gvern għandu mandat elettorali f’saħħtu biex joħloq inizjattivi biex iżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-Parlament. Qal li jittama li l-Oppożizzjoni tinsab fuq l-istess paġna.  “Aħna għandna arma akbar mill-biża’, għandna t-tama. Huma t-tama u l-ġid li jwasslu għas-suċċess. Bħala pajjiż qed ngħixu s-suċċess” saħaq Joseph Muscat.

20:24 Il-Prim Ministru indirizza lill-Kap tal-Oppożizzjoni u qallu li dwar l-allegazzjonijiet li kien hemm fil-konfront tiegħu hu talab inkjesta fuqu stess, “imma inti ma tlabtx”.  Lil Delia qallu wkoll li hu ma ħallasx it-taxxa dovuta, u jattakka lil ħaddieħor.

20:20 Fakkar għal darb’oħra kif mis-sena d-dieħla robots se jkunu qed jgħinu lill-kirurgi fl-operazzjonijiet.  Dwar il-facial recognition, Dr Muscat qal li fehem li l-Oppożizzjoni qiegħda fuq l-istess paġna dwar il-proġett. Il-Prim Ministru qal li saħansitra l-Oppożizzjoni kważi lmentat li l-inizjattiva kienet ristretta għall-Marsa u San Ġiljan.

20:12 Filwaqt li ammetta li Malta tinsab l-aħħar f’dak li għandu x’jaqsam mar-riċiklaġġ u reġa’ qal li jaqbel mal-Kap tal-Oppożizzjoni, stqarr li ma jifhimx kif l-Oppożizzjoni ħarġet topponi li r-riċiklaġġ ikun obbligatorju. “Il-bin tar-riċiklaġġ wasalli dalgħodu…” qal bid-daħka l-Prim Ministru, filwaqt li qal li minn għada se tibda kbira fil-kultura Maltija. Dan hekk kif għada se jibda l-ġbir tal-iskart organiku fil-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex.

20:07 Qabel mal-Kap tal-Oppożizzjoni li hemm bżonn iktar bicycle lanes, iżda rrimarka li fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista, kienu saru toroq b’karreġġjata akbar, bil-bankina ikbar mill-karreġġjata. Semma l-miżuri dwar trasport b’xejn għall-kulħadd, li hu l-għan ewlieni tal-Gvern.

20:05  Joseph Muscat għadda biex jitkellem dwar il-persuni b’diżabbiltà. Semma kif 400 ġuvni u tfajla b’diżabilità jmorru x-xogħol ta’ kuljum. Irrimarka li l-benefiċċju ta’ dawk li ma jistgħux jaħdmu jrid jogħla daqs il-paga minima.

20:00 “Jgħidu għax bnejna triq bla permess, aħseb u ara kieku bdejna nibnu l-appartamenti mingħajr permess x’kontu tgħidu?” saħaq il-Prim Ministru. Talab lil Adrian Delia jagħti d-dettalji dwar kif taħt Gvern Nazzjonalista kulħadd ikollu saqaf fuq rasu. Qal li l-Oppożizzjoni hi bla pjan u li jekk ghandha pjan, “hu kontradittorju għall-aħħar”. Fakkar kif meta tela’ Gvern Laburista fl-2013, kien hemm biss 17-il dar disponibbli għall-housing soċjali.   “Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien l-unika persuna li ddieħak bil-White Paper tal-Gvern dwar il-kera. Nittama li l-Oppożizzjoni mhux se toqgħod gallarija dwar din il-kwistjoni”, qal Muscat.

19:54  Muscat, li għalkemm il-darba rrefera għall-Kap tal-Oppożizzjoni bħala l-ħabib tiegħu, qal li mhux minnu dak li qal Dr Delia li qed jonqsu n-nies li huma sidien ta’ darhom.

19:52 “Hemm 15,700 jaħdmu f’Għawdex, żieda ta’ 3,000 aktar milli kien hemm fl-2012”, żied jgħid filwaqt li qal li hemm aktar jaħdmu mal-privat milli mal-Gvern. Semma li dalwaqt se tinfetaħ kumpanija ġdida tat-teknoloġija f’Għawdex li se tattira aktar impjiegi.

19:51 Ta eżempju ta’ koppja anzjana li fi tliet baġits raw żieda ta’ €1,700. Stqarr li din hi r-ruħ soċjali tal-Gvern.

19:45 Dr Muscat fakkar li dawk bil-paga minima sas-sena d-dieħla jkollu żieda ta’ €12. Qal li hemm ħafna ma jafux id-drittijiet tagħhom, minħabba dawk li sejjaħ “employers irresponsabbli”. Qal li l-Gvern jixtieq li jkun hemm dibattitu dwar dan.

19:41 Dwar il-prezz tal-ħobż u l-ħalib, Dr Muscat qal li l-iskimmed milk minn fejn jixtrih hu 81ċ kien u 81ċ baqa’. B’daħka fuq fommu staqsa jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni għandux xi baqra speċjali.

19:35 Qal li jrid iwieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni meta qal li l-Gvern ma għamel xejn biex irażżan l-għoli tal-ħajja. Saħaq li l-Gvern innegozja prezz irħas għall-uniformijiet tal-iskejjel u neħħa l-ħlas tal-eżamijiet tal-MATSEC u s-SEC. Qal li issa m’hemmx skuża li t-tfal ma jagħmlux l-eżamijiet. Semma wkoll ir-roħs ta’ diversi mediċini.

19:31    Joseph Muscat saħaq li l-istrateġija l-kbira tagħna hija l-manifest elettorali.  Qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu raġun f’ħaġa waħda lbieraħ, “vera li rriċiklajna u rrepetejna: it-tnaqqis fl-income tax, irrepetejna ż-żieda fl-istipendji, żieda fil-pensjonijiet, irrepetejna ċ-child care b’xejn, it-trasport b’xejn, il-flus biex nagħmlu t-toroq, il-first time buyers u baġit bla taxxi”.

19:30  Mhux minnu li żdied il-faqar u l-Kap tal-Oppożizzjoni kulma ried jagħmel kien li jikkonsulta id-dokument li jippubblika hu stess qabel l-baġit (Economy by the People to the People),” Prim Ministru spjega. Huwa qal li l-faqar irnexxilhom inaqsuh għal 19 fil-mija wara li taħt Gvern Nazzjonalista dan kien għolla rasu minħabba l-għoli fil-konitjiet tad-dawl u l-ilma. “Kieku ma saritx il-qalba għal gass, kien ikollna ngħollu l-kontijiet b’5 fil-mija kif qed jiġri fil-pajjiż kollha tal-UE,” u kompla jgħid.

19:25 Il-Prim Ministru qal li l-ispiża totali fuq l-ambjent żdiedet minn €49 miljun taż-żmien il-Gvern Nazzjonalista għal €100 miljun. Dwar il-benefiċċji soċjali, l-ispiża żdiedet minn €738 miljun għal €1000 miljun.

19:20 Huwa qal li l-argument tal-Oppożizzjoni li l-Gvern qed jimpjega numru kbir ta’ ħaddiema fis-servizz pubblikuma jreġix. “Il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid jgħidilna, kemm mill-250 tabib, 460 nurse, 600 għalliem u 275 pulizija se jkeċċi?”

19:15 Muscat qal li l-Gvern mhu lest jieħu l-ebda lekċer minn l-ebda pajjiż dwar il-programm tal-Invest (IIP) li nieda l-Gvern. “L-argument tiegħu dejjem ikun meta ntom tieqfu tbiegħu l-armamenti lill-pajjiżi sottożviluppati, ejjew lura u nitkellmu fuq il-programm tal-Invest (IIP) tagħna,”

19:10 Il-Prim Ministru qal li l-Gvern wiret s-sitwazzjoni ta’ €250 miljun defiċit, fejn għollew il-kontijiet bil-qalb u ħadu żieda għalihom ta’ €500. “Din kienet vera sitwazzjoni tal-poplu jieħu l-loqom u huma jieħdu l-laħam,” spjega Muscat.

19:05 Joseph Muscat qal li jekk Delia huwa favur immigrazzjoni intelliġenti għalfejn il-PN huwa kontra l-programm tal-Invest (IIP) tal-Gvern. Huwa li hemm xogħlijiet li l-Maltin ma jridux ikomplu jagħmlu. “Spiċċa iż-żmien li l-Maltin jaħdmu għal barranin. Issa huma l-barranin li qed jaħdmu għal Maltin,” qal Muscat.

19:00 Il-Prim Ministru qal li l-argument tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-ħaddiema tal-barranin hija kważi clickbait ta’ lemin estrem.

18:55 Huwa qal li l-ekonomija Maltija kibret tliet darbiet iktar minn tal-medja Ewropeja waqt li din is-sena fetħu 12,000 negozju ġdid. Huwa qal li jidher li l-Kap tal-Oppożizzjoni żamm l-istess konsulent li kellu l-predeċessur tiegħu. Muscat qal li fid-diskors tiegħu, Adrian Delia ħa żbalji fattwali kbar. Huwa qal li Delia qed jibbażail-mudell ekonomiku tiegħu fuq it-teorija ta’ Thomas Malthus, studjuż li għex 250 sena ilu. Huwa qal li l-argument tal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-ekonomija Maltija kibret minħabba it-tkabbir fil-popolazzjoni huwa wieħed fallaċi. Huwa qal li bl-istess argument pajjiż bħala Lussemburgu li ra żieda fil-popolazzjoni ta’ 13 fil-mija, l-ekonomija tiegħu żdiedet bi 17 fil-mija iżda Malta li kellha tkabbir tal-popolazzjoni ta’ 10 fil-mija fl-aħħar ħames snin rajt tkabbir ekonomiku ta’ 40 fil-mija.

18:45 Huwa qal li l-Gvern qal li mhu qed jieħu xejn mingħand ħadd iżda qed jagħti biss. Muscat qal li dan qatt ma saret fl-istorja ta’ pajjiżna. “La qegħdin fit-tema (ta’ Halloween), it was a budget with no tricks but just treats,” qal Muscat.

18:40 Il-Prim Ministru Joseph qal li l-baġit 2019 huwa l-ikbar pakkett finanzarju fl-istorja politika Maltija. Huwa qal li permezz ta’ dan il-baġit, il-poplu se jgawdi minn pakkett finanzarju ta’ €142 miljun. Huwa qa li 16,500 familja se jieħdu żieda fil-childrens’ allowance. 92,000 anzjan se jieħdu żieda fil-pensjoni.

18:30 Il-Prim Ministru Joseph Muscat illejla jindirizza l-Kamra tar-Rappreżentanti wara li l-ġimgħa li għaddiet il-Gvern ressaq l-estimi finanzjarji għas-sena d-dieħla. Dr Muscat mistenni jelenka l-elementi pożittivi li ddominaw il-Baġit 2019 filwaqt li jwieġeb għad-diskors tal-bieraħ tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Fid-diskors tiegħu, Adrian Delia kkritika l-Gvern filwaqt li appellalu biex jagħti każ il-kuxjenza soċjali tiegħu u mhux ikun PR għall-Partit Laburista.

“Wara sagħtejn illum bqajna bla pjan” – Adrian Delia

B’reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li wara sagħtejn “bqajna bla pjan”.  Żied jgħid li l-Gvern għadu mwaħħal mal-istatistika, ma jagħtix eżempji ta’ umani imma jsemmi numri fittizji, li fi kliemu ma jirriflettux ir-realtà u l-polz ta’ dak li qed iħossu n-nies.  Dr Delia qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern qed ifalli f’diversi oqsma, fosthom fit-trasport, fl-infrastruttura, fl-ambjent u fl-arja.  Adrian Delia qal li “t-treats for the boys, it-tricks for the people”

“Kull ilma jaqta’ l-għatx imma bi Gvern bilgħalaq kien ikollna baġit aħjar” – PD

Fl-ewwel reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru dwar il-baġit, il-Partit Demokratiku saħaq li kull ilma jaqta’ l-għatx. Madanakollu insista li kieku kellna Gvern bilgħaqal, kien ikollna baġit ferm aħjar.