Dr Anthony Galea rebaħ il-Kampjonat Dinji tal-Public Speaking meta kien qed jirrappreżenta l-Ewropa fil-kompetizzjoni li saret waqt il-Kungress Dinji tal-għaqda Junior Chamber International (JCI) ġewwa Goa fl-Indja.

Waqt il-kompetizzjoni Galea tkellem fuq it-tema li l-aktar grupp li kapaċi jinfluwenza liż-żgħażagħ biex jagħmlu impatt pożittiv huma ż-żgħażagħ innifishom.

Galea beda l-avventura tiegħu meta rebaħ il-kampjonat tal-Public Speaking f’Malta. Wara huwa kkompeta fil-kampjonat tal-JCI ġewwa Riga fil-Latvja f’Lulju li għadda. Dan waqsslu biex jirrappreżenta l-Ewropa fl-Indja.

Il-President ta’ JCI Malta Jonathan Mifsud qal li “din hija l-ewwel darba li Malta kkompetiet f’dan il-kampjonat fuq livell internazzjonali. Li wasalna f’dan l-istadju kien suċċess fih innifsu. Ir-rebħa  tagħmel il-ħidma ta’ Dr Galea, u dawk kollha li ggwidawh, din l-esperjenza waħda aktar sodisfaċenti.”

Il-president tal-għaqda qal li JCI Malta impenjata li tkompli tipprovdi aktar opportunitajiet ta’ żvilupp għaż-żgħażagħ biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom fejn jidħlu n-negozji, l-involviment  tagħhom fis-soċjetà, u meta jiġu biex jitkellmu fil-pubbliku.