Liam Debono, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li jinsab akkużat b’attent ta’ qtil tal-kuntistabbli Simon Schembri, laqqat xebgħa f’Ħal Luqa u ttieħed l-isptar illum waranofsinhar.

Kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li kien iż-żagħżugħ stess li mar l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Luqa, jirrapporta li ġie aggredit minn grupp ta’ persuni fiż-Żona Industrijali.  Il-każ seħħ għall-ħabta tas-2.15pm.

Miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid huwa ntbagħat l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard irriżulta li ġarrab ġrieħi ħfief.

Rapporti f’diversi sezzjonijiet tal-midja qed jgħidu li Debono ġie aggredit fuq il-post tax-xogħol tiegħu minn ħames żgħażagħ u li allegatament sawtuh bi frosta. Ġie rrappurtat ukoll li ġie ferut f’wiċċu u f’għajnejh u li ntilef minn sensieh waqt ix-xebgħa.  Skont rapporti oħra huwa ttieħed għall-kura mill-imgħallem tiegħu li sabu mixħut mal-art.

Debono, li ngħata l-ħelsien mill-arrest f’Settembru li għadda, jaħdem bħala sprayer f’garaxx qrib fejn seħħ il-każ f’Mejju li għadda, meta bil-karozza li kien qed isuq kaxkar għal metri sħaħ lill-Kuntistabbli Schembri.