Il-Pulizija ma weġbux mistoqsijiet relatati mal-każ tal-imwiet ta’ raġel barrani nhar is-Sibt li għadda f’Marsalforn Guesthouse.

Minn informazzjoni li Newsbook.com.mt ġabar minn fuq il-post dakinhar tal-mewt tar-raġel barrani f’Marsalforn, jidher li r-raġel ma kellux dokumenti fuqu għajr tal-linja card b’sorsi jgħidu li mal-lejl kien hemm xi għajjat u ġlied fl-inħawi. Mill-ewwel investigazzjonijiet dakinhar tal-inċident filgħodu, il-Pulzija kkonfermaw li l-kawża tal-mewt kienet waħda naturali.

Qalu li bħalissa għaddejja Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri.

Dwar l-istess akkomodazzjoni, Newsbook.com.mt staqsa jekk hux veru li r-refuġjati li joqogħdu hemm għandhomx dokument ta’ identifikazzjoni uffiċjali fuqhom. Spjegaw li minħabba li l-akkomodazzjoni qed tintuża għall-kirjiet fuq bażi long-lets, il-Pulizija ma tistax tipproċedi legalment minħabba li m’hemmx bżonn permessi “għajr li jitħallsu t-taxxi dovuti fuq id-dħul”. Dan minkejja li t-tabella turi ‘Marsalforn Guesthouse’.

“Għadd konsiderevoli ta’ barranin f’Marsalforn; numru minimu ta’ inċidenti”

Intant, Il-Pulizija wieġbu serje ta’ mistoqsijiet dwar il-kriminalità f’din iż-żona turistika f’Għawdex li matul ix-xhur xitwin tattira għadd ġmielu ta’ barranin li jagħżlu li joqogħdu hawn minħabba r-rati ta’ kera baxxi.

Il-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li f’Marsalforn jgħixu għadd konsiderevoli ta’ barranin iżda fl-istess waqt qalet li qed ikun hemm numru minimu ta’ inċidenti. Spjegaw li “l-inċidenti li fihom kienu involuti barranin huwa pjuttost minimu u mhuwiex allarmanti”.

Fit-tweġibiet tagħhom, il-Pulizija qalu li qed jieħdu l-mizuri kollha għad-dispozizzjoni tagħhom biex tinżamm l-ordni mhux f’Marsalforn biss iżda fil-kumplament ta’ Għawdex kollu.