Fil-kampjonat tal-Futsal, Luxol St Andrews u Swieqi United FC għadhom b’punti massimi wara erba’ logħbiet. Swieqi, immexxija mill-pleyer-kowċ Boycho Marev, komplew jikkonfermaw posthom mal-ewwel tlieta u għelbu lit-tim tal-Istudenti tal-Università ta’ Malta bl-iskor ta’ 4-2.

Kienu l-universitarji li marru fil-vantaġġ wara seba’ minuti permezz ta’ Neil Cauchi. Madanakollu Swieqi rnexxilhom idawru r-riżultat b’gowls ta’ Marev u Andre Ciancio. Kien imbagħad Stefan Camillieri li għamel l-iskor 3-1 qabel Daniele Degennaro naqqas id-distakk meta skurja t-tieni gowl għall-universitarji. Leonardo De Souza temm kull tama ta’ draw meta kiseb r-raba’ gowl għal Swieqi fl-aħħar minuta.

Issa Swieqi jinsabu fil-quċċata tal-klassifika flimkien ma’ Luxol, biż-żewġ timijiet bi 12-il punt kull wieħed filwaqt li Valletta għandhom disa’ punti iżda b’logħba inqas.