Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech stqarr li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa Adrian Delia.

Fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, Grech mewwet l-għajdut li jista’ jikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, bi kliem ta’ tifħir għal Dr Delia. Huwa insista li l-aħħar ħaġa li għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista hija spekulazzjoni dwar it-tmexxija tiegħu. Żied jgħid li Adrian Delia ġie elett fl-aktar elezzjoni miftuħa u rappreżentattiva fl-istorja tal-partiti politiċi f’Malta u li d-dmir ta’ kull deputat hu li jkun parti integrali mill-ħidma politika tal-partit.

Grech, li qabel il-kampanja għat-tmexxija tal-PN, kien qed jissemma’ li kien interessat fil-pożizzjoni ta’ kap tal-partit, kompla jgħid li d-deċiżjoni tiegħu ħadha ftit aktar minn sena ilu u li diġà ta r-raġunijiet għaliha. Irrimarka, li kif kien qal dakinhar, il-prijorità tiegħu f’din il-leġiżlatura hi li jservi ta’ vuċi għall-kostitwenza tiegħu, u li bħala deputat, jikkontribwixxi biex il-PN isaħħaħ il-qafas tal-politika tiegħu u jevolvi fi gvern alternattiv. Sostna li dan huwa għan li m’għandux dubju li l-partit jista’ jilħqu biss “jekk naħdmu flimkien”.

Claudio Grech temm il-messaġġ tiegħu billi qal li kif jista’ jafferma kull Kap tal-PN li kellu l-privileġġ jaħdem miegħu, “din it-tmexxija tista’ tikkonferma wkoll” li matul din is-sena hu ta l-kontribut kollu tiegħu lejn dan il-għan u li beħsiebu jibqa’ jagħmel l-istess bis-serenità kollha sal-aħħar jum li jagħmel fil-politika.