Nhar is-Sibt filgħaxija, 3 ta’ Novembru 2018 għadd sabiħ ta’ Għawdxin, xi Maltin u barranin attendew għall-Ikla li saret għand Ta’ Frenċ, nofs triq bejn ir-Rabat u Marsalforn, b’risq il-Community Chest Fund li fi tmiemha s-Sinjura Marygrace Attard ippreżentat Donazzjoni lis-Sur John Camilleri f’isem il-President ta’ Malta li ma setgħetx tkun preżenti u lil Nadia Gatt mill-Community Chest Fund. Matul l-ikla li matulha kien qed jagħmel id-debut tiegħu ix-Chef Shawn Smith-Roberts bil-għajnuna sħiħa tal-Executive Chef Mario Schembri, ħadet sehem  is-Santa Ċeċilja Foundation Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Antoine Mercieca li żewqet b’mod tajjeb is-serata b’siltiet ta’ mużika klassika li niżlu tant tajjeb fost dawk li kienu preżenti. Wara l-ewwel platt l-Orkestra daqqet is-‘Sarabanda’ ta’ George Frederick Handel, ‘Alla Turca’ ta’ Wolfgang Amadeus Mozart, il-‘Minuetto’ ta’ Boccarini u ‘Eine Klene Nachmusic – 1st Movement ta’ Mozart ukoll.  Wara iktar ikel, smajna mbagħad siltiet tassew melodjużi mill-Musical magħruf u popolari ‘Phantom of the Opera’ li għadu qed jintwera fil-West End ta’ Londra.  Wara l-Main Dish tant delizzjuż, is-Santa Ċeċilja Foundation Orchestra tatna tliet valzers ta’ Johann Straus Junior, ‘Pizzicato Polka’, ‘Emperor Waltz’ u ‘Roses from the South’ bis-sehem taż-żeffiena Christabelle Bajada u Jacob Spiteri.  Wara li sareta id-donazzjoni ta’ flus lill-Community Chest Fund mis-Sinjura Attard u l-Mro Mercieca,  is-Serata divertenti u delizzjuża b’risq il-Karita ġiet fi tmiemha bl-esekuzzjoni tal-Blue Danube mill-Orkestra  taħt id-direzzjoni ta’ Mro Antoine Mercieca.  Din l-attivita filantropika saret bl-inizjattiva tas-Santa Ċeċilja Foundation Orchestra u l-Management Ta’ Frenċ.

 

Kav Joe M Attard

emarjos@hotmail.com