Il-Bicycle Advocacy Group (BAG) qal li kummenti li saru mill-Qorti u mill-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq (MRSC) jinkriminaw l-azzjonijiet innoċenti ta’ tifel ta’ 10 snin li nqatel minn sewwieq irresponsabbli fl-2015.

Fi stqarrija, il-BAG qalet li tinsab konċernata bil-kummenti tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li qalet li hemm bżonn li jittieħdu passi kontra nies li ma jaqsmux it-triq bl-aktar mod sigur. Iċ-Ċerpersin tal-MRSC qal li jaqbel ma’ din il-proposta u qal li għandha tidħol fis-seħħ “immedjatament”.

Raġel ta’ 38 sena mit-Turkija li kien akkużat li tajjar u qatel b’mod involontarju lil Rodwan Aghil, tifel Libjan ta’ għaxar snin nhar 1 ta’ Ġunju 2015, ra s-sentenza li ngħata fl-ewwel qorti tinbidel f’sentenza sospiża. Waqt li kienet qed tagħti s-sentenza, I-Imħallef appellat biex jiġu introdotti xi tip ta’ multi fil-konfront ta’ dawk li jkunu mexjien fit-triq. Scerri Herrera saħqet li dawk mexjin għandhom l-obbligi tagħhom bħal dawk li jkunu qed isuqu.

Il-BAG qalet li jekk l-MRSC tixtieq tara tibdil immedjat fis-sigurtà tat-toroq, il-Kunsill għandu jaħdem favur bankini aċċessibbli, bicycle lanes, u speed cameras. L-għaqda qalet li esprimiet kemm-il darba t-tħassib tagħha dwar is-sigurtà ta’ ċertu toroq imma qatt ma’ sabet l-appoġġ ta’ xi imħallef jew mill-MRSC.

Il-BAG qalet li taqbel li anke dawk in-nies li jkunu mexjin għandhom responsabbilitajiet. Madanakollu tħoss li l-kriminalizzazzjoni ta’ dawn in-nies hija irresponsabbli u toħloq preċedent perikoluż li jnaqqas mir-responsabbilità ta’ dawk li jsuqu bl-addoċċ.