Mara li mietet b’infezzjoni, ftit qabel mewtha akkużat lill-impjegati tal-isptar talli ħallewha titherra bħal biċċa laħam.

Linda Prydderch ta’ 60 sena mietet fi sptar f’Wales fl-2015, erba’ xhur wara li daħlet l-isptar għal operazzjoni tal-ftuq, li wasslet biex b’kollox għamlet tliet operazzjonijiet. Il-każ tagħha kien wieħed mis-16 elenkati mill-Ombudsman għas-Servizzi Pubbliċi ta’ Wales.

Ir-rapport jgħid li fi Frar 2015 hija ġiet trasferita fi sptar tal-komunità, iżda l-impjegati ma rċevewx it-taħriġ adekwat biex jagħtuha l-kura li kellha bżonn. Minn hemmhekk reġgħet intbagħtet l-isptar minħabba l-infezzjoni.

Bintha ddeskriviet bħala diżgustanti, il-mod kif ġiet trattata ommha. Qalet li taħseb li ppruvaw joħorġuha mill-isptar għax kienet qed tgħajjat bl-uġigħ iżda ma setgħetx tispjega fejn kienet muġugħa.