Raġel ta’ 69 sena fetaħ kawża fil-Qorti sabiex ibiddel l-età tiegħu għal 49 sena u b’hekk isir aktar attraenti mat-tfajliet.

Ir-raġel min-Netherlands, Emile Ratelband twieled fil-11 ta’ Marzu tal-1949. L-argument tiegħu jinsisti li ladarba persuni transġeneru jistgħu jibdlu l-ġeneru tagħhom b’mod uffiċjali għandu jitħalla jibdel l-età tiegħu ukoll. Il-każ mistenni jinstema’ fil-Qorti fil-belt ta’ Arnhem daqs erba’ ġimgħat oħrajn.

Madanakollu, uffiċjali kienu xettiċi dwar il-każ u emmnu li ma kien hemm l-ebda mekkaniżmu legali li jħalli persuna tibdel id-data tat-twelid. Wieħed mill-ġurati ried tweġiba għal x’jiġri mill-20 sena li Ratelband ried jelimina.

Intant Ratelband argumenta li jħoss li l-età tiegħu twassal sabiex jiġi ddiskriminat kemm meta jkun qed ifittex xogħol u anke meta juża apps bħal Tinder biex ikun jista’ jsib lil xi ħadd ma’ min joħroġ. Sostna li “meta nkun fuq Tinder u jkolli 69 sena qatt ma nirċievi risposta. Imma jekk ngħid li għandi 49, bil-wiċċ li għandi, nkun f’pożizzjoni lussuża.” Sostna wkoll li skont it-tobba ġismu għadu tajjeb daqs li kieku kellu 45 sena.