L-Aġenzija tal-Gvern ta’ Malta kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) għandha għaxart ijiem ċans biex twieġeb l-“opinjoni” mibgħuta mill-Kummissjoni Ewropea li tgħid li l-FIAU għandha taħdem aktar biex tobdi l-liġi.

Illum, l-KE addotatt “opinjoni” li tgħid li l-FIAU għandha bżonn tieħu aktar miżuri biex iżżomm mal-obbligi tagħha taħt ir-raba’ direttiva ta’ kontra l-ħasil tal-flus Ewropea. Dan biex tkun tista’ tgħasses l-istituzzjonijiet finanzjarji Maltin.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová qalet li “l-Ewropa għandha l-aktar liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus li huma stretti. Però, dawn iridu jiġu infurzati bl-istess standards madwar l-Ewropa. Malta u pajjiżi oħra għandhom bżonn awtoritajiet atrezzati u liġijiet li huma fis-seħħ.”

Il-KE qed titlob lill-FIAU biex tieħu numru ta’ miżuri li jinkludu:
• Titjib tal-metodoloġija biex jiġu analiżżati r-riskji ta’ ħasil tal-flus u tal-iffinanzjar tat-terroriżmu
• Titjib fl-istrateġija tal-monitoraġġ u superviżjoni
• Assigurazzjoni li l-FIAU tkun tista’ taġixxi fil-ħin meta jiġi identifikat xi nuqqas
• Assigurazzjoni li jkun hemm dokumentazzjoni dwar għalfejn ikunu ittieħdu ċertu deċiżjonijiet
• Jinżammu aktar rekordji dettaljati dwar spezzjonijiet

F’reazzjoni, l-FIAU qalet fi stqarrija li se tikkoopera mall-KE u mal-Awtorità Bankjarja Ewropea (EBA). Id-Direttur tal-FIAU Kenneth Farrugia qal li l-“FIAU tibqa’ kommessa li tassigura li s-setturi finanzjarji u oħrajn f’Malta jibqgħu protetti mit-theddida tal-ħasil tal-flus u l-kriminalità finanzjarja. Għalhekk, l-FIAU daħlet fis-seħħ riformi fis-superviżjoni tagħha, inkluż titjib fir-riżorsi u l-użu ta’ teknoloġija ġdida, biex tkun aktar effiċjenti fil-funzjoni superviżorja tagħha.” Farrugia qal li l-UE qed tiffaċċja sfidi ġodda, u mhux Malta biss.

L-Ewwel Viċi-President tal-KE Frans Timmermans qal li “għal protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej u għas-sigurtà tas-sistema finanzjarja, kull awtorità f’kull stat membru għandha ssegwi l-liġijiet Ewropej ta’ kontra l-ħasil tal-flus. Nibgħu attenti u lesti biex naġixxu sabiex kull ksur tal-liġi tiġi indirizzata u li prattiċi superviżorji aħjat jassiguraw li dan ma jerġax jiġri.”

Kundanna oħra mal-lista twila – PN

F’reazzjoni għal dan il-Partit Nazzjonalista qal li t-twissija mill-KE turi biċ-ċar il-ħsara li qed jagħmel il-Gvern Laburista għar-reputazzjoni ta’ Malta. Il-PN qal li din hija kundanna oħra li tiżdied mal-lista twila ta’ episodji li qed ikomplu jitappnu r-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-PN negattiv – PL

Il-Partit Laburista qal li l-PN “jibqa’ l-uniku vuċi li dwar Malta għandu biss affarijiet negattivi xi jgħid.” Żied jgħid li l-PN “jibqa’ joħroġ stqarrijiet ripetuti dwar temi li l-Gvern diġà wieġeb dwarhom”.