Il-ġenituri ta’ tarbija ngħataw ħin limitat sabiex ikunu mat-tarbija tagħhom li kien għad fadallu ftit ġimgħat biss ħajja minħabba żball tal-ħaddiema soċjali ġewwa York.

Ordni ta’ superviżjoni stretta tpoġġiet fuq il-ġenituri mill-Kunsill ta’ York waqt li kienet għaddejja investigazzjoni li wara tmiemha instab li l-ġenturi ma kellhom l-ebda ħtija. Matul l-investigazzjoni l-koppja setgħet biss tkun ma’ binha jekk ikun hemm persuni oħrajn preżenti u taħt superviżjoni. Il-kunsill skuża ruħu u kkumpensa lill-familja mal-€2000 għall-inkwiet li kkawżalhom il-każ.

Il-każ beda propju meta t-tarbija ttieħed l-isptar wara li ma kienx qed jieħu nifs b’mod normali. Mit-testijiet instab li t-tifel kellu ksur fil-kustilji. Il-familja sostniet li wisq probabli dawn ġew ikkawżati minn trattament li ngħata waqt li kien għal kura ġewwa sptar. Madanakollu, il-ħaddiema soċjali iddeċidew li jinvestigaw il-każ u għaldaqstant ħarġu ordnijiet sabiex it-tfal jingħataw lin-nanniet sakemm jintemmu.

Intant, meta s-saħħa tat-tarbija bdiet sejra lura, il-ġenituri ma tħallewx jaraw lil binhom aktar ta’ spiss, anke wara li l-Kunsill insista li r-riskju li ssir aktar ħsara lit-tarbija kien baxx wisq.

Fl-aħħar smigħ tal-Qorti, propju 11-il ġimgħa wara l-mewt tat-tifel, il-kunsill neħħa l-ordni tal-kustodja minn fuq it-tifel l-ieħor tal-koppja. Intqal ukoll li minkejja li ma waslu għall-ebda konklużjoni għall-ġrieħi li ġarrab it-tifel dawn ma setgħux jiġu attribbwiti lill-ġenituri.