REUTERS/Sonali Paul

Raġel ta daqqa ta’ sikkina lil tliet persuni oħra f’Melbourne l-Awstralja, b’persuna titlef ħajjitha. L-aggressur intlaqat ukoll minn tir tal-Pulizija. Huwa maħsub li l-attakk mhux wieħed terroristiku.

F’filmat fuq Twitter ir-raġel jidher ixejjer sikkina lejn żewġ uffiċjali tal-Pulizija, b’karozza taqbad fl-isfond. Wieħed mill-pulizija spara fuq ir-raġel li deher jaqa’ mal-art. Filmat ieħor juri żewġ vittmi li qalgħu daqqa ta’ sikkina filwaqt li t-tielet vittma mietet fuq il-post.

Is-Superintendent tal-Pulizija tal-Istat ta’ Victoria David Clayton qal li s’issa ma jidhirx li hemm irbit mat-terroriżmu. Clayton qal li l-Pulizija kienet marret fuq il-post minħabba li kien hemm karozza qed taqbad. Huwa spjega kif waqt li l-vettura kienet qed taqbad raġel attakka lill-Pulizija u dawn spiċċaw kellhom jisparawlu. Il-filmati juru xeni ta’ kaos.