Il-President Paul Biya akkużat bi frodi elettorali

L-Isqfijiet Kattoliċi fil-Cameroon qed jikkontestaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-pajjiż f’Ottubru li għadda.

Ir-riżultati uffiċjali kienu publikati fit-22 ta’ Ottubru u taw rebħa lill-President attwali, Paul Biya b’71% tal-voti filwaqt li l-isfidant ewlieni tiegħu, Maurice Kamto jikseb biss 14% tal-vot. Il-partit ta’ Biya, il-Moviment Demokratiku tal-Poplu tal-Cameroon kien akkużat bi frodi elettorali kbir biex iħalli fil-poter lill-President Biya li għandu 85 sena. Fl-aħħar elezzjoni presidenzjali b’kollox kien hemm tmien kandidati.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Cameroon, l-Arċisqof Samuel Kleda, qal li hemm mistoqsijiet importanti li jridu jkunu mwieġba dwar ir-riżultat tal-elezzjoni.

B’mod partikolari nnota it-‘turnout’ qawwi favur il-President fir-reġjun tat-Tramuntana tal-pajjiż bħala wieħed suspettuż. F’dan ir-reġjun hemm l-ogħla livell ta’ faqar fil-pajjiż fejn hemm 74 fil-mija tal-poplu jgħix fil-faqar komparat mas-37.5% fil-bqija tal-pajjiż.

“Ma nistax nifhem kif 89% tal-poplu li għaddej minn din it-tbatija kollha, jivvuta għall-istess pesuna li ilu hemm u m’għamel xejn biex itaffilhom din it-tbatija.  Inħossni verament imħawwad b’dawn in-numri”, qal l-Arċisqof Kleda.

“Allura l-problemi kollha li konna qed nittamaw li se nsolvu qabel l-elezzjoni, se jibqgħu hemm u mhux se jkunu solvuti”, kompla l-Isqof.  Hu wera wkoll id-dubji tiegħu dwar id-dikjarazzjoni li Biya rebaħ ukoll ir-reġjuni tal-Punent li huma ż-żoni tal-Cameroon favur l-Ingliżi li ilhom maqbuda fi ġlied minn Ottubru tal-2016.

Kamto, wieħed mill-kandidati presidenzjali qed jgħid li l-elezzjoni kienet misruqa u talab li r-riżultati f’seba’ mill-għaxar reġjuni tal-Cameroon, ikunu annullati.

Kandidat ieħor tal-oppożizzjoni, Joshua Osih talab li titħassar il-votazzjoni kollha għax allega  li fir-reġjuni tal-Punenet ma saru ebda votazzjonijiet. “Jekk ikun dikjarat li jien irbaħat din l-elezzjoni, ma nieħux il-ġurament għax ma nistax inkun President ta’ parti biss mill-pajjiż” qal Osih lill-Qorti Kostituzzjonali.

L-Arċisqof Kleda  lmenta minn dik li hu sejjaħ “deċiżjoni mgħaġġla tal-Kunsill Kostituzzjonali” biex ħabbar ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni.

“Naħseb li l-kandidati kollha, Kamto, Cabral u Osih għandhom każ qawwi biex juru l-irregolaritajiet li saru, speċjalment il-petizzjoni tal-partit ewlieni tal-Oppożizzjoni, l-SDF dwar dak li seħħ fir-reġjuni tal-Lvant fejn ftit kienu dawk li ħarġu jivvutaw. Il-Kunsill kellu jisma’ lil dawn. Dan hu pajjiż fejn nirrispettaw is-Saltna tad-Dritt iżda l-Kunsill baqa’ jiċħad il-petizzjonijiet kollha bażati fuq teknikalitjaiet. Dan mhux normali”, sostna l-Arċisqof.

L-Arċisqof Kleda qal li dawn ir-riżultati elettorali huma manipulati u fabbrikati minn qabel. “Wieħed jieħu l-impressjoni li fir-reġjun tal-Afrika Ċentrali ir-riżultati elettorali jkunu deċiżi minn qabel il-poplu jmur jivvota”.

L-Isqfijiet fil-Cameroon huma meqjusa minn ħafna li huma strumentali għall-paċi fil-pajjiż li 40% tal-poplu tiegħu hu Kattoliku.