Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ma qalx kemm qed iħallas lill-eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Tony Zarb, li huwa impjegat fuq bażi part-time mal-Ministeru tiegħu.

Mizzi kien qed iwieġeb mistoqsija tad-deputat f’isem l-Oppożizzjoni Karol Aquilina, li staqsa biex jingħataw id-dettalji sena b’sena u kemm tħallas Zarb, kif ukoll biex titpoġġa kopja ta’ kwalunkwe kuntratt iffirmat bejn il-Ministeru tiegħu u Zarb. Fi tweġiba qasira l-Ministru Konrad Mizzi qal lil Aquilina li Zarb għandu kuntratt “standard” li jintuża għall-persuni li jkunu qed jaħdmu f’din il-pożizzjoni.

Aquilina għamel din il-mistoqsija parlamentari lil diversi ministeri. Kien ħareġ li fl-2016 Zarb kien ħadem bħala konsulent fid-Dipartiment tal-Enerġija u Proġetti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’salarju bażiku ta’ €19,153.03.

Dan l-aħħar Zarb spiċċa f’nofs kontroversja wara kummenti li għadda fil-konfront tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia li wassal biex il-Partit Nazzjonalista jagħmel mozzjoni biex jitneħħielu Gieħ ir-Repubblika.