EBO, kumpanija Maltija start-up għelbet l-isfidi li żammew lura lil kumpaniji oħra, u fetħet fergħa fir-Renju Unit.  Fi żmien sitt xhur minn meta daħlet fis-settur tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI), EBO fetħet il-bibien tagħha fir-Renju Unit u b’ritmu mgħaġġel qed iżżid il-ħidma tagħha f’dan il-pajjiż u bliet oħra Ewropej. Fir-Renju Unit, EBO qed taħdem fis-setturi tal-banek u tas-saħħa. EBO qed tgħin lil kumpaniji jirrealizzaw il-potenzjal tal-AI u kif jisfruttaw aktar opportunitajiet biex iżidu t-tkabbir u l-profitt.

Il-Kap Eżekuttiv tal-EBO, Dr Gege Gatt spjega li l-AI  se tibdel in-negozju radiklament. “EBO tippreżenta soluzzjoni teknoloġika li timbotta għal profitibalità immedjata. EBO tikkonsisti f’diversi teknoloġiji li jgħinu lil ‘bots’ jifhmu, jitgħallmu u jaġixxu fuq dak li jagħmel il-bniedem. Negozji qed jagħżlu din is-soluzzjoni tagħna għax tgħinhom ikabbru n-negozju tagħhom permezz tat-teknoloġija”; kompla jgħid.  Studji riċenti minn McKinsey & Company juru li 45% tax-xogħol jista’ jkun awtomatiku permezz tal-użu tat-teknoloġija.

Dr Gatt irrimarka li “fit-tieni fażi tal-iżvilupp tagħna qed ngħinu lill-kumpaniji permezz tan-Natural Language Processing and Deep Learning”.

L-uffiċċju tal-EBO fir-Renju Unit qed jitmexxa mid-Direttur Kummerċjali tal-Grupp Rhys Powell, li jieħu ħsieb it-tkabbir tal-kumpanija fis-swieq preżenti: ir-Renju Unit, l-Italja, Iżrael u Malta. Huwa stqarr li “EBO qed taħdem bi tliet modi: toħloq ħaddiema virtwali ġodda; iżżid il-ħiliet u l-abbiltajiet tal-ħaddiema eżistenti; u żżid it-tkabbir ekonomiku”.