Raġel li kien ikkundannat tliet snin ħabs minħabba li allegatament ikkorrompa lin-neputija tiegħu waqt logħba karti 10 snin ilu, meta kien għad kellha 11-il sena, ġie liberat wara li t-tfajla rtirat l-allegazzjonijiet maħluqha minn ommha li mmanipulatha.

Ir-raġel ressaq appell fl-2014. L-akkużat ipprotesta l-innoċenza tiegħu, u qal li okkażjonalment kien jilgħab il-karti man-neputija fuq insistenza tagħha stess fil-kċina ta’ omm it-tifla.

L-appell kien primarjament fuq il-fatt li s-sentenza tar-raġel kienet ibbażata biss fuq ix-xhieda tat-tifla, minkejja li kien hemm dubji serji dwar dan. L-akkużat argumenta li r-rakkont li ta hu kif ukoll ix-xhieda ta’ persuni oħra ngħataw il-ġenb.

Il-Qorti osservat li filwaqt li xehdet permezz ta’ konferenza bil-vidjo, il-minuri sabet ruħha inċerta meta ġiet mistoqsija dwar liema oġġett ta’ lbies tneħħa tul l-inċident. It-tifla kienet qalet li kienet insiet u fil-pront qabdet tibki filwaqt li qalet li ma riditx li zijuha jidħol il-ħabs.

F’Diċembru tal-2017, wara li l-appell kien ġie mismugħ u l-każ aġġornat, il-vittma, li sa dak iż-żmien leħqet għalqet it-18-il sena, ressqet applikazzjoni biex titlob permess tixhed u talbet lill-Qorti biex tapplika kwalunkwe piena taħt il-minimu preskritt.

Fi Frar ta’ din is-sena, it-tfajla ppreżentat nota fejn fiha irtirat l-ilment kriminali li għamlet. Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, innotat li kemm l-allegata vittma kif ukoll ommha kienu qalu li kienu ħafru lill-akkużat meta dehru quddiem il-Qorti Maġisterjali.

Waqt li enfasizzat li lment kriminali jista’ jiġi rtirat sal-mument qabel ma tingħata s-sentenza finali, il-Qorti biddlet il-kundanna.