Il-Partit Demokratiku ppreżenta protest ġudizzjarju fil-Qorti biex jingħata aċċess jew jiġu ppubblikati d-dokumenti kollha relatati mas-servizzi tal-catering fir-Residenza San Vinċenz de Paul. Is-servizz se jkun b’ħidma bejn il-Gvern u l-privat f’dak li hu magħruf bħala public private partnership. Fi stqarrija l-PD qal li din l-offerta stabbiliet investiment addizzjonali li rriżulta fil-bini ta’ estensjoni għall-500 sodda. Il-Partit spjega kif il-Gvern għandu jħallas €274 miljun għas-servizzi mogħtija biex tiġi mmaniġġjata din il-faċilità.

Il-PD sostna fost affarijiet oħra li f’dan il-każ bl-ebda mod ma ġew osservati proċeduri ta’ akkwist għal wieħed mill-akbar kuntratti pubbliċi li qatt ingħataw. Il-Partit qal ukoll li l-kuntratt ingħata mingħajr m’hemm permess mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-PD saħaq li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna sar jaf dwar il-każ mill-gazzetti u ma kienx approva l-istess kuntratt filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis kien qal li kien żball fl-istampar tal-Gazzetta tal-Gvern.

Il-kuntratt ingħata lil James Caterers u lil Health Care, li hija sussidjarja tal-Grupp db. Il-Partit Demokratiku diġà talab fil-Parlament biex il-kuntratt jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skont il-PD minkejja li l-Ministru Michael Falzon bagħat il-kuntratt direttament għand l-Avukat Ġenerali wara talba mill-PD biex dan jiġi diskuss mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, id-deċiżjonijiet mill-Avukat Ġenerali jdumu jkaxkru s-snin.