Mill-ġimgħa d-dieħla se jibda jkollok toħroġ il-ġakketta miegħek hekk kif skont il-bassara tat-temp indipendenti FirstMalta.com, it-temperaturi mistennija jaqgħu taħt l-20 grad celcius.

Fi stqarrija, il-bassara spjegaw li l-ewwel front kiesaħ mill-Ewropa mistenni jolqot iċ-ċentru tal-Mediterran. Malta jidher li se tintlaqat matul tmiem il-ġimgħa u għalhekk il-ġimgħa d-dieħla se tibda b’temperaturi baxxi li mhux mistennija jaqbżu l-20 grad celcius filwaqt li jinżlu viċin il-15-il grad mal-lejl.

Skont statistika, it-temperaturi mkejjla bejn l-1981 u l-2010 f’Ħal Luqa juru li l-ogħla temperatura f’Novembru tilħaq l-20.7 grad celcius, filwaqt li lejn Diċembru l-ogħla temperaturi mkejjla matul il-ġurnata hija medja ta’ 17.1 gradi celcius. Skont First Malta, f’Novembru tal-1978 it-temperatura kienet niżlet għal ħames gradi celcius, filwaqt li f’Novembru tal-1998, l-ogħla temperatura laħqet it-28 grad celcius.