Fil-Perjodu Ruman kien isir rit ta’ eżorċiżmu sabiex in-nies jeħilsu mill-ispirti ħżiena fi djarhom. Dak iż-żmien kienu jemmnu li f’każijiet meta bniedem ma jingħatax difna xierqa jew meta ma jingħadux ir-riti li hemm bżonn waqt il-funeral tiegħu, l-ispirtu tal-mejjet ma jkunx jista’ jsib serħan u allura jibqa’ jfixkel lill-ħajjin. Nhar is-Sibt, 17 ta’ Novembru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku jattendi fil-Katakombi ta’ San Pawl, ir-Rabat, Malta, ħalli jipparteċipa f’avveniment li jinkludi rit ta’ eżorċiżmu Ruman u tiftix għal attività paranormali.

Dan l-avveniment, li jġib l-isem Lemuria, huwa maħsub għall-parteċipanti minn 16 il-sena ‘l fuq, u se jitfa’ dawl fuq it-twemmin li kien jeżisti fil-Perjodu Ruman dwar il-mewt, l-ispirti ħżiena u kif wieħed jista’ jeħles minnhom. Wieħed irid jiċċara illi dan ir-rit ta’ eżorċiżmu ta’ żmien ir-Rumani m’għandu x’jaqsam xejn mar-rit ta’ eżorċiżmu Kattoliku li nafu bih illum. Infatti, dan ir-rit antik għandu wkoll l-aspett komiku tiegħu.

Wara t-twettiq tar-rit, il-parteċipanti se jkunu jistgħu jingħaqdu mal-membri ta’ Malta Paranormal waqt it-tiftix tagħhom għal attività paranormali fil-katakombi.

Tnaqqir ħafif ta’ ikel li kien jisserva fil-Perjodu Ruman se jitqassam wara kull mawra.

Se jkun hemm żewġ mawriet: waħda fis-7:00pm u l-oħra fit-8:00pm.

Biljetti: €20, Membri ta’ Heritage Malta €15. Il-biljetti huma limitati u jistgħu jinxtraw mis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta, inkella online fuq https://shop.heritagemalta.org/index.asp?eventid=487

Huwa rrakkommandat illi l-parteċipanti għandhom jilbsu ħwejjeġ komdi u jekk hu possibbli, jġibu torċ magħhom.

Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org