Black waqt il-proċess tal-immunoterapija

Mara Maltija hi fost l-ewwel xjentisti li bix-xogħol esperimentali tagħhom madwar 20 sena, wasslu għal trattament ġdid tal-kanċer, kif jixhdu r-riżultat tal-provi riċenti, li saru minn professjonisti fil-qasam tal-immunoterapija. Dr Joanna Black (imwielda Galea-Lauri) mexxiet grupp ta’ riċerkaturi bejn Marzu 1995 u Ottubru 2004 b’idea dwar il-possibilità li l-kanċer ikunu indirizzat bis-sistema immunitarja stess tal-pazjent. Newsbook.com.mt tkellem ma’ Dr Black dwar il-ħidma tagħha:

  1. Kif bdejt din ir-riċerka biex il-kura tingħata bis-sistema immunitarja tal-pazjent stess?

Għall-ewwel meta kelli l-idea, is-superjuri tiegħi ma fehmux kif din it-terapija tista’ taħdem meta l-kanċer innifsu jnaqqas is-saħħa tas-sistema immunitarja sal-punt li nieqfu nipproduċu il-molekuli immunitarji għad-difiża tagħna. Imbagħad insistejt fuq l-idea tiegħi u rnexxieli nikseb fondi mill-organizzazzjoni Ingliża Leukemia Research Fund. Ix-xogħol kien ta’ sodisfazzjon kbir u konna naħdmu mal-iktar ċelloli eċitanti fis-sistema immunitarja, jisimhom dendritic cells. Komplejt nibni fuq ix-xogħol ta’ Dr Ralph Steinman li rebaħ il-Premju Nobel għall-għarfien ta’ dawn iċ-ċelloli. Iltqajna fl-Istati Uniti waqt konferenza u hemmhekk qsamna xi ideat.

  1. X’irriżulta għall-pazjenti mir-riċerka tagħkom?

Din is-sena l-ewwel mediċini tat-tip tagħhom, fejn iċ-ċelloli tal-pazjent jiġu programmati mill-ġdid u injettati biex jiġġieldu ċelloli speċifiċi tal-kanċer, ġew approvati fl-Istati Uniti, introdotti u approvati fl-Unjoni Ewropea, u qed jiddaħħlu fis-servizz tas-saħħa tar-Renju Uniti. Il-Kap tal-NHS, Simon Stevens iddeskriva t-trattament imsejjaħ CAR-T cell therapy, bħala “wieħed mill-iktar trattamenti innovattivi li qatt kien offrut mis-servizz tas-saħħa tar-Renju Uniti. Dr Tomas Salmonson, il-kap tal-Kumitat tal-UE dwar Mediċini għall-użu Uman qal ukoll li, “trattamenti innovattivi bħal CAR-T cells għandhom il-potenzjal jibdlu l-futur għall-pazjent bil-kanċer.”

  1. X’inhi t-terapija CAR-T?

Il-proċess jaħdem billi l-ewwel jittieħdu t-T cells mill-pazjent, li normalment qegħdin hemm biex jiġġieldu l-mikrobi li jwasslu għall-mard, imma ma jagħrfux xi tipi avvanzati ta’ kanċer. Dawn iċ-ċelloli imbagħad ġie modifikati ġenetikament biex jinkludu fihom receptors imsejħa Cars li jippermettu t-T cells jagħrfu proteini speċifiċi fuq ċelloli tat-tumur. Filwaqt li ċ-ċelloli CAR-T qed jimmultiplikaw fil-laboratorju, il-pazjenti jgħaddi mill-kimoterapija biex jitneħħew il-bqija tat-T cells. Imbagħad terġa’ ssir trasfużjoni tad-demm fil-pazjent, u dan jippermetti ċ-ċelloli modifikati biex joqtlu lil dawk tal-kanċer. Kif spjegat Dr Martina Schüssler-Lenz, il-kap tal-Kumitat għat-Terapiji avvanzati, “Kymriah u Yescarta (iż-żewġ mediċini approvati fl-UE) joffru mod innovattiv kif iċ-ċelloli tal-pazjenti jiġu programmati mill-ġdid u jiddaħħlu mill-ġdid biex jattakkaw il-kanċer.”

  1. Kemm jiswa dan it-trattament?

Għalkemm il-prezzijiet fl-Istati Uniti huma eżorbitanti, bil-Yescarta tiswa $373,000 (€316,000) u l-Kymriah sa $475,000 (€400,000), il-prezz fl-UE se jkun regolat fil-pajjiżi membri. Fir-Renju Unit, is-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali qal li “hemm bżonn l-għajnuna tal-manifatturi biex nassiguraw li nkunu nistgħu inwasslu dawn it-trattamenti lill-pazjenti malajr kemm jista’ jkun u bl-inqas prezz possibli.” Dan minħabba li l-prezzijiet jaqbżu sew il-limitu ta’ £50,000 fis-sena.

  1. Kif kompliet tiżviluppa r-riċerka li bdejt inti?

It-tim tiegħi kien jinkludi tmien tobba b’kuntatt dirett mal-pazjenti u sitt studenti tal-PhD, li kisbu fondi mill-Cancer Research UK u Leukemia Research fund, minkejja fiduċja limitata fl-idea tiegħi dwar il-kura. Sar progress kbir fir-riċerka u ppublikaw ir-riżultati u fl-istess ħin iktar esperti fis-sistema immunitarja skoprew aktar kif din taħdem. Sal-2002 kellna biżżejjed data biex napplikaw mal-aġenziji tal-gvern u tal-etika biex nibdew il-provi fuq il-bnedmin, u wara muntanja ta’ burokrazija, ksibna l-permess. Il-lat negattiv kien iżda, li l-prezz tat-trattament kien ilaħħaq il-£275,000 kull pajzent u kien kważi impossibli li jaslu l-fondi. Il-vjaġġ tiegħi f’din it-terapija intemm fl-2004 bit-twelid tat-tifel u bil-karriera ġdida bħala Kap tar-Regolamentazzjoni u l-Kwalità fir-Riċerka Klinika. Iżda, 14-il sena wara li bdejt l-istudji, ix-xogħol tiegħi infirex f’laboratorji oħrajn u issa sa fl-aħħar dawn il-mediċini qed jiġi regolamentati u introdotti bilmod.

Xjentisti oħra, fosthom Emma Morris (Professur tat-Terapija Klinika taċ-Ċelloli fil-University College London Hospital) bdew jiġbru l-ideat tagħna minn lekċers li tajna u dokumenti li ppublikajna. Inħossni kburija ħafna fejn wasalna, għaliex għaraft l-importanza tas-sistema immunitarja u dak iż-żmien imxejt b’kuraġġ biex ksibt il-fondi.

  1. X’inhu l-pass li jmiss f’din it-terapija?

Filwaqt li l-provi taw riżultati spettakolari, hemm ukoll riskji u anke mwiet assoċjati mat-trattament. Prof Charles Swanton, Il-Kap ta’ Cancer Research UK qal li t-trattamenti biċ-ċelloli CAR-T huma promettenti ħafna f’xi pazjenti b’kanċer speċifiku fid-demm, iżda t-trattament huwa kkumplikat, personalizzat ħafna u jista’ jikkawża effetti severi f’xi pazjenti.