Ħafna drabi Facebook hu l-fattur prinċipali li ħafna jwaħħlu fih bħala r-raġuni għalfejn il-gazzetti m’għadhomx popolari daqs qabel. Biex tisfida din il-mentalità Facebook għadu kemm nieda skema ġdida li biha se jkun qed iħareġġ ġurnalisti f’diversi lokalitajiet.

Il-ġgant tal-midja soċjali se jniedi dan il-proġett permezz ta’ aktar minn €5 miljun lil diversi kumpaniji tal-gazzetti lokali fir-Renju Unit. Permezz ta’ dawn il-fondi l-istess kumpaniji se jkunu jistgħu jħarrġu 80 ġurnalist ġdid għal sentejn bil-għan li dawn jaħdmu magħhom bħala ġurnalisti fil-komunità.

L-iskema, li se tkun immexxija mill-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ tal-Ġurnalisti (NCTJ), ġiet maħluqa biex “Tinkoraġġixxi aktar ġurnaliżmu lokali f’diversi lokalitajiet li tilfu l-gazzetta lokali u l-ġurnalisti” skont Facebook.

Xi wħud kritikaw din l-iskema bħala skuża biex Facebook ipatti għat-telf li l-istess gazzetti kellhom mir-riklami hekk kif illum-il ġurnata ħafna jsibu r-riklamar fuq il-midja soċjali eħfef u iktar effettiv.

Inti x’taħseb? Temmen li Facebook affettwa l-ġurnaliżmu?