Ommijiet li ma setgħux isibu lok għall-edukazzjoni ta’ wliedhom fis-Sirja ingħaqdu ma’ gradwati li ma setgħux isibu xogħol sabiex flimkien jgħinu lil xulxin. Wara laqgħa bejn iż-żewġ gruppi ġie deċiż li dawn il-gradwati jsibu xogħol billi jedukaw lil dawn it-tfal.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt fl-Indja Azzam Sheikh Alsouq qal li dawn il-persuni li tħallew żvantaġġjati minħabba l-gwerra ngħataw l-opportunità li jiltaqgħu f’kamra waħda u jitkellmu dwar il-problema tagħhom grazzi għall-ħidma tal-għaqda non-governattiva tiegħu. Alsouq huwa wieħed mir-rebbieħa ta’ premju dinji li Junior Chamber International (JCI) tagħti annwalment lil persuni li b’xi mod jew ieħor qed jgħinu jtejjbu soċjetajiet madwar id-dinja kollha.

Alsouq irrakkonta kif l-NGO li kien jagħmel parti minnha ddeċidiet li tevalwa s-sitwazzjoni ta’ grupp ta’ ċittadini speċifiċi f’soċjetà partikolari fis-Sirja sabiex jaraw x’kienu l-bżonnijiet tagħhom fiż-żmien diffiċli tal-gwerra. Spjega li kien hemm grupp ta’ ommijiet li esprimew kif ma setgħux isibu fejn jieħdu lill-uliedhom għall-edukazzjoni, filwaqt li kien hemm grupp ta’ gradwati li ma kellhomx lok minn fejn iġibu l-esperjenza u jaħdmu fil-qasam edukattiv. Kien hawn li Alsouq ħadem sabiex dawn jiltaqgħu f’kamra waħda u jiddiskutu l-problemi tagħhom. Wara din il-laqgħa ttieħdet deċiżjoni sabiex dawn il-gradwati jgħallmu lit-tfal fi bżonn ta’ edukazzjoni billi jużaw id-djar tal-ommijiet stess. Sostna li mat-tmiem ta’ dan il-proġett sabu li t-tfal kienu qed javvanzaw b’mod tajjeb ħafna.

Illum il-ġurnata, Alsouq jaħdem fi ħdan il-UNHCR li hija l-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda, fejn fost l-oħrajn baqa’ jaħdem fil-komunitajiet sabiex jgħinhom jimxu l-quddiem skont il-bżonnijiet tagħhom. Fl-istess waqt qed jistudja biex isir tabib.

Kull sena, l-għaqda Junior Chamber International (JCI) tonora 10 persuni minn madwar id-dinja kollha għax-xogħol umanitarju tagħhom. Din is-sena s-serata tal-ippremjar saret fl-Indja fejn kien hemm preżenti wkoll ġurnalisti ta’ Newsbook.com.mt.