Google News wissiet li lesta twaqqaf l-operat tagħha fl-Unjoni Ewropea jekk il-pjanijiet li tintaxxa l-links li jwasslu lil utenti għall-websajts tal-aħbarijiet tidħol fis-seħħ. Din it-taxxa li qed tissejjaħ link-tax hija parti minn proposta għal-leġislazzjonijiet ġodda fl-Unjoni Ewropea li tagħti l-jedd lil pubblikaturi għad-dritt tal-awtur fuq il-kontenut li jiġi shared fuq pjattaformi diġitali soċjali bħal Facebook u YouTube kif ukoll fuq websajts li jiġbru dawn il-links għall-aħbarijiet bħal Google News. Jekk din il-liġi tidħol fis-seħħ, Google se jkollha tikkumpensa lill-pubblikaturi meta l-artikli jidru fuq it-tfittxija li ssir fil-paġna ta’ Google News.

Il-Viċi President ta’ Google News, Richard Gingras stqarr mal-ġurnal prominenti Ingliż ‘The Guardian’ li l-kumpanija hija mħassba ferm dwar il-possibiltà li din it-taxxa tidħol fis-seħħ. Fi kliemu din jista’ jkollha riperkussjonjiet serji fuq l-operabilità tas-servizz li toffri Google, tant li fil-mument ma twarrabx il-possibbiltà li twaqqaf l-operat ta’ Google News fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jekk il-leġislazzjoni tidħol fis-seħħ.

Jiżdiedu l-proprjetajiet mhux mibjugħa f’Londra

L-ammont ta’ proprjetajiet  mhux mibjugħa f’Londra żdied bin-nofs matul din is-sena hekk kif l-inċertezza minħabba Brexit poġġiet dan is-settur f’diffikultà. In-numru ta’ units li baqgħu fuq l-ixkaffa tela’ għal rekord ta’ 2,374 sal-aħħar ta’ Settembru li għadda. Dawn id-dettalji inġabru minn Molior London kumpanija tar-riċerka fil-qasam tal-bini. Il-lokalità bl-ikbar ammont ta’ bini mhux mibjugħ jinsab f’Wandsworth, zona li tinsab viċin ix-xmara Thames.

Din iż-żieda hija attribwita b’mod partikolari għal diversi fatturi, b’mod partikolari minħabba binjiet li ma’ jilħqux l-aspettattivi tan-nies u tal-lokalità li inbnew fiha, kif ukoll minħabba li nbnew fi żmien li x-xerrejja qed jgħoqodu ftit lura milli jinvestu tort tal-inċertezza tal-Brexit.

Skont l-aħħar data maħruġa minn Rightmove, il-prezzijiet tal-propjetà fir-Renju Unit f’Ottubru niżel għall-ewwel darba mill-2011 ‘il hawn.