Junior Achievement Young Enterprise Malta Foundation (magħrufa qabel bħala Young Enterprise) qed tiċċelebra t-30 anniversarju b’ikla gala fl-InterContinental Malta fis-6 ta’ Diċembru fis-7.30pm.

L-alunni, konsulenti, għalliema, partijiet interessati u ħbieb huma mistiedna jattendu din l-attività, għall-kommemorazzjoni tal-kisbiet tal-aħħar tliet deċennji u biex jiġu mnedija dawk tal-futur.

Dan il-pass importanti se jagħti ġieħ lill-parteċipanti li ħadmu ħafna matul dawn l-aħħar 30 sena, li komplew biex saru l-mexxejja ta’ xi wħud min-negozji l-aktar ta’ suċċess f’Malta. L-attività se tkun ukoll tribut għall-mijiet ta’ voluntiera li taw il-ħin tagħhom biex jgħinu studenti żgħażagħ jiksbu l-ħolm tal-karriera tagħhom u jgawdu minn suċċessi innumerabbli.

Barra minn hekk, din iċ-ċelebrazzjoni se tfaħħar il-viżjoni tal-fundaturi, persunal u membri tal-bord ta’ JAYE li kkontribwew għall-iżvilupp tal-approċċ uniku tal-organizzazzjoni.

Bħala parti mill-attività, JAYE Malta qed tniedi wkoll il-Premju Magħżul mill-Pubbliku għal kull deċennju permezz tal-paġna tal-Facebook Tagħhom. Il-pubbliku huwa mistieden jinnomina alunn, konsulent, għalliem, membru tal-persunal jew membru tal-bord, jew parti interessata oħra, li taw kontribut lil JAYE, u li jħossu li jirrappreżentaw bl-aħjar mod l-ispirtu tal-organizzazzjoni. Ir-rebbieħa jitħabbru matul is-serata.

“Nistiednu lil kulħadd biex jikkondividi l-istorja JAYE tiegħu magħna fis-6 ta’ Diċembru hekk kif niċċelebraw il-kisbiet ta’ JAYE Malta flimkien mal-mijiet ta’ alunni ta’ JAYE li bbenefikaw mill-esperjenzi edukattivi mhux formali pprovduti mill-programmi tagħna matul dawn l-aħħar 30 sena,” jgħid Julian Azzopardi, CEO ta’ JAYE Malta.

Sa mit-twaqqif tagħha fl-1988, JAYE Malta introduċiet disa’ programmi tal-iskejjel li ispiraw aktar minn 7,000 moħħ żagħżugħ. Tnejn minn dawn il-programmi – il-Programm tal-Kumpaniji mhux formali post sekondarju u l-Programm tal-Primarja u Sekondarja mhux formali, reċentement ingħataw akkreditazzjoni tal-Livell 3 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki (MQF 3). Dan iżid valur kbir lill-parteċipazzjoni tal-istudenti, minħabba li jiġu akkreditati b’riżultati tat-tagħlim u kisbiet edukattivi rikonoxxuti bħala MQF 3 għall-isforzi tagħhom.

“Din iċ-ċelebrazzjoni hija opportunità biex l-alunni JAYE jagħtu xi ħaġa lura, u biex aħna nirringrazzjaw id-diversi voluntiera li taw il-ħin, il-pariri, l-enerġija, l-entużjażmu u l-appoġġ tagħhom lill-istudenti matul id-deċennji li għaddew. B’mod ugwali, inħossu li huwa ż-żmien li nirringrazzjaw id-diversi organizzazzjonijiet li tawna l-fondi, kienu sponsors, u żammewna għaddejin b’diversi modi. B’mod aktar kritiku, hija wkoll opportunità li ttenni l-valur u r-relevanza tax-xogħol ta’ JAYE Malta fid-dinja tax-xogħol u għaż-żgħażagħ tal-lum,” jikkonkludi s-Sur Azzopardi.

Għal aktar informazzjoni u għall-biljetti, żur il-websajt jew segwi lil Jaye Malta fuq Facebook.