Il-kumpanija ta’ disinn u arkitettura, Mizzi Studio li hi mmexxija mid-disinjatur Jonathan Mizzi, ġiet fdata bid-disinn ta’ disa’ kiosks li huma maħsuba għal postijiet prominenti fir-Royal Parks ta’ Londra.

 Gie inawgurat l-ewwel kiosk f’Ritz Corner, Green Park, filwaqt li t-tmienja l-oħra se jiftħu matul ix-xitwa, bil-qofol tagħhom jintleħaq bil-ftuħ ta’ kafetterija ġdida f’Hyde Park, fir-rebbiegħa tal-2019.

Id-disa’ kiosks li ġew kumissjonati minn Colicci, ditta ta’ kafetteriji artiġjanali internazzjonali, se jimmarkaw id-dħul ta’ Hyde Park, The Green Park u St James’s Park. Flimkien ma’ Colicci, Mizzi Studio esplorat il-wirt tas-siti u fasslet id-disinn skont l-istorja ta’ kull sit rispettiv, biex jinħolqu esperjenzi uniċi għall-viżitaturi.

 Id-disinn ta’ dan il kiosk u l-bqija tal-kiosks ġie ispirat minn materjal organiku bil-għan li jikkumplimenta l-pajsaġġ tal-madwar, li hu skedat bħala Grad I, u għalhekk għandu interess arkitetturali ta’ livell għoli. Barra minn hekk id-disinn jinkorpora l-ispirtu karatteristiku u kulturali ta’ The Royal Parks.

“Il-kiosks huma maħsuba bħala familja b’forom individwali magħqudin permezz tal-lingwa tad-disinn, b’kanopew skulturat b’tali mod li jintefaħ bħal friegħi ta’ siġra. Kull varjazzjoni fid-disinn għandha elementi organiċi jew arkitettoniċi li l-kiosk jaqsam mal-ispazju li se jkun fih,” stqarr Jonathan Mizzi, direttur ta’ Mizzi Studios.

Biex waslet għar-riżultat li xtaqet, Mizzi Studio użat materjal sostennibbli u tekniku ta’ artiġjanat tradizzjonali, flimkien ma’ metodi ta’ manifattura state-of-the-art biex toħloq forom sempliċi u funzjonali li huma eleganti u jiġbdu l-għajn. Tom Raffield, disinjatur rinomat, ġie fdat bil-kisi tal-kiosks billi uża teknika pijuniera fil-liwi tal-ballut permezz tal-fwar.

Id-disinn ta’ Café ieħor, li se tiftaħ f’Hyde Park fir-rebbiegħa tal-2019, ġiet iddisinjata b’tali mod li tikkumplimenta l-esperjenza provduta mill-Gallerija Serpentine Sackler u mil-legat tas-Serpentine Pavilions li jinsabu maġenbha. Mizzi Studio kienet ispirata wkoll mill-arkitettura Ġappuniża għad-disinn ta’ din il-kafetterija. Għas-saqaf ittieħdet l-idea tal-karatteristiċi tal-pagoda li nħadmet f’forma iktar fluwida, waqt li t-twieqi tipiċi tad-djar tat-te Ġappuniżi influwenzaw l-istrixxi mimdudin ta’ bejn it-twieqi li jaqsmu l-ħġieġ tal-kanopew. L-istrixxi tat-twieqi joħolqu spazju miftuħ semitrasparenti li jisfumaw il-linja ta’ fejn hu ġewwa u fejn hu barra, b’hekk jagħmlu l-istruttura aktar armonjuża mal-ambjent ta’ madwarha.

Il-kiosk ta’ Horse Shoe Bend f’St James’s Park, fid-dawl tal-Palazz Buckingham, se jinkesa b’ram f’forma ta’ tubi li jirrifletti lill-metalli prezzjużi li jżejnu lill-Monument tar-Reġina Vittorja ta’ Sir Thomas Brock, waqt li l-għażla tal-kisi tal-injam għall-bqija tal-kiosks hi bbażata fuq ir-relazzjoni li hemm mal-ambjent tal-park.

Għal dan il-proġett prestiġjuż, Mizzi Studio użat metodu olistiku fejn id-disinn iqis sew l-użu tal-ispazju, l-effiċjenza tal-enerġija u bżonnijiet prattiċi bħal fejn se jintrema l-iskart. Ħruġ fuq wara jħalli l-ġnub tal-kiosk disponibbli biex jingħata servizz effiċjenti u sottili lill-klijenti, waqt li xorta jkun hemm post fejn jinżamm l-ikel u jintrema l-iskart.

Mizzi Studio hi kumpanija ta’ disinn u arkitettura, rebbieħa ta’ bosta premji, bi studjows f’Londra u f’Malta. Il-kumpanija twaqqfet fl-2011 mid-disinjatur, Jonathan Mizzi. Xogħolha ġie rikonoxxut permezz ta’ numru ta’ premji fosthom l-FX Magazine’s Breakthrough Talent Award (2017).

Il-kumpanija tispeċjalizza fi proġetti li għandhom impatt soċjali u kulturali pożittiv u tistinka biex iżżid valur tanġibbli lid-dinja fiżika  permezz ta’ disinn aħjar.

“Il-metodu ta’ kif naħdmu jħallat l-artiġjanat tradizzjonali mal-aħħar tekniki diġitali tal-manifattura, u disinn parametriku li jqis sew il-fatturi umani. Ispirat mid-dinja naturali u l-fantaxjenza, xogħolna jispikka mill-użu ta’ kuluri, tessuri, teknoloġija kinetika u sensorjali, li joħolqu riżultati trasformattivi u esperjentali,” temm jgħid Jonathan Mizzi.

Mizzi Studio hi membru tal-Istitut Rjali tal-Arkitetti Brittaniċi (Royal Institute of British Architects – RIBA).