Bosta studenti li jagħmlu użu mill-iskema ta’ trasport b’xejn tal-iskejjel li bdiet tiġi offruta mill-Gvern din is-sena, qed iħossu li l-annimali trattati aħjar minnhom, minħabba li twaħħlithilhom ċippa mal-basket tal-iskola.

Diversi ġenituri li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, esprimew il-frustrazzjoni tagħhom dwar is-sitwazzjoni. Omm spjegat kif bintha qaltilha “l-annimali aħjar minna għax iċ-ċippa tagħhom żgħira u mhux fejn tidher u tagħti fil-għajn”. Tifla oħra qalet li tħoss li qisha serqet basket mingħand tal-ħanut.

L-istess omm fissret kif fl-aħħar jiem, mingħajr l-ebda nota jew permess mill-ġenituri, bosta studenti li jattendu l-Iskola Sekondarja tar-Rabat Għawdex, marru lura d-dar b’ċippa kbira mwaħħla mal-basktijiet tagħhom.

Irrimarkat li wliedha qalulha kif mill-iskola spjegawlhom li jekk iċ-ċippa tinqala’ jew ma tibqax taħdem jeħlu multa u minħabba f’hekk lanqas jistgħu jaħslu jew ixarrbu l-basket. Staqsiet għaliex ma ntalabx permess tal-ġenituri biex twaħħlet iċ-ċippa, meta għal kull ħarġa li jmorru t-tfal il-ġenituri jridu jiffirmaw.

Skont l-omm, il-ġenituri kellhom jimlew formola onlajn sabiex uliedhom jagħmlu użu mis-sistema tat-trasport b’xejn, u fi kliemha ma ntalbux japprovaw l-użu taċ-ċippa.

Għaldaqstant sostniet li temmen li din saret sabiex jinqatgħu ħafna tfal mis-sistema tat-trasport, hekk kif min ma jużax it-trasport għal 75% tad-drabi jinqata’ mis-sistema għal kollox.

Intant, missier qal ma’ Newsbook.com.mt li fl-Iskola Sekondarja tar-Rabat Għawdex inqala’ kjass bejn l-iskola u l-ġenituri dwar l-istess apparat. Meta Newsbook.com.mt ikkuntattja l-iskola, il-Kap tal-Iskola qalet lill-Kamra tal-Aħbarijiet biex tikkuntattja lis-sezzjoni tat-trasport tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Newsbook.com.mt pprova jitkellem ukoll mal-Ministeru tal-Edukazzjoni permezz ta’ telefonata u finalment il-mistoqsijiet intbagħtu b’imejl.

F’Settembru li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li l-Gvern kien qed jippjana li jniedi sistema pilota, fejn il-ġenituri jkunu jistgħu jkunu jafu fejn huma wliedhom, minn xħin jitilgħu fil-vann sakemm jaslu lura d-dar.