Il-periklu ta’ meta wieħed jaħsel it-twieqi tad-dar se jonqos drastikament. Drone ġdid jista’ jaħsel it-twieqi tad-djar u ta’ binjiet għolja se jibda jinbiegħ fis-swieq internazzjonali mis-sena d-dieħla. Id-drone ta’ Aerones intlaqa’ b’kummenti posittivi ħafna fir-Renju Unit, speċjalment wara t-traġedja ta’ Grenfell Tower, hekk kif dan jista’ jintuża wkoll biex jgħin il-pumpiera jikkontrollaw nirien f’binjiet għolja.

Armat b’14-il propeller blade, dan id-drone ġie kreat bil-għan li jintuża biex jinħaslu t-twieqi f’sulari għolja bi pressa qawwija tal-ilma u b’hekk jonqos il-periklu għan-nies li jaħslu t-twieqi. Id-drone jiżen 90kg u waqt li jkun qed itir ikun imqabbad ma’ ħażna tal-ilma fuq l-art permezz ta’ pajp apposta. Huwa jista’ jkun marbut b’ħabel minn fuq bejt bħala garnazija biex żgur ma jkunx hemm periklu li jaqa’ f’każ ta’ ħsara jew li jieqaf jaħdem. Min ikun qed jopera dan id-drone ikun jista’ jsegwi wkoll u jikkontrollah permezz ta’ kameras high definition.

Dan l-inġenju tal-ajru, li ġie maħluq minn Dainis Kruze u Janis Putrams, kapaċi jaħsel it-twieqi 20 darba iktar malajr mill-bniedem.