Negozjanti mil-Kummissjoni Ewropea u ta’ Brexit ftehmu fuq ir-rabtiet li se jkun hemm bejniethom fil-futur, skont uffiċjal tal-Unjoni Ewropea. Minkejja nuqqas ta’ qbil fuq l-istat ta’ Ġibiltà, it-tama tibqa’ li l-ftehim jitlesta fil-ħin qabel mal-mexxejja Ewropej jiltaqgħu nhar il-Ħadd li ġej.

Spanja qed tara Brexit bħala opportunità biex tieħu lura l-istat ta’ Ġibiltà mir-Renju Unit, hekk kif qal il-Prim Ministru Pedro Sanchez fuq Twitter. Huwa saħaq li wara konversazzjoni mal-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May, il-pożizzjonijiet tagħhom baqgħu ‘l bogħod, u għalhekk Spanja lesta biex twaqqaf Brexit jekk l-Unjoni Ewropea ma taqdix l-interessi ta’ Spanja.

Spanja mhix l-unika pajjiż li għandha interessi partikolari, hekk kif hemm numru ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom Franza, li bejniethom kitbu lista ta’ xewqat ta’ 26 paġna apparti mill-ftehim ta’ Brexit li huwa daqs 585 paġna.

Sorsi mill-Unjoni Ewropea qalu lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li xewqat bħal dawn se jkunu f’paġna jew tnejn separati. Franza staqsiet għal aċċess għal żoni ta’ sajd tar-Renju Unit u insistew li r-Renju Unit xorta għandha timxi ma’ regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-ambjent, taxxi, xogħol u industrija.

Apparti minn hekk, il-ftehim jiddetta wkoll li l-fruntieri Irlandiżi jkollhom kontrolli biex jitwaqqfu nies jieħdu vantaġġ mill-Irlanda biex ikollhom aċċess għas-suq tal-Unjoni Ewropea.