Sew jekk jiddeċiedu li jkomplu jistudjaw, jibdew karriera ġdida jew jinvestu f’negozju ġdid, il-gradwati l-ġodda, il-Bank of Valletta qed jagħti firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet finanzjarji miġbura f’pakkett wieħed. Dan jinkludi self biex wieħed ikun jista’ jiftaħ negozju ġdid, servizzi bankarji elettroniċi, u self fuq xiri tal-ewwel propjetà.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-pakkett finanzjarju, il-Kap tat-Taqsima tal-Branch Network tal-Bank of Valletta, Geoffrey Ghigo spjega li fost l-oħrajn, dan il-pakkett joffri l-BOV Visa, il-BOV Mastercard u l-Internet Banking b’xejn għall-ewwel sena. “Fl-istess waqt, gradwati li jagħżlu li jixtru l-ewwel propjetà tagħhom, jiffrankaw l-ispejjeż ta’ proċessar u jgawdu minn rati ta’ imgħax imnaqqsa fuq self personali fuq xiri ta’ karozza jew meta jisselfu biex ikomplu jistudjaw sew f’Malta jew barra minn xtutna”, kompla jgħid Ghigo.

Wieħed jista’ japplika għall-BOV Graduates Package sa ħames snin minn meta jiggradwa filwaqt li r-rati ta’ imgħax imnaqqsa jibqgħu applikabbli sa meta jispiċċa t-terminu ta’ self. Kull min huwa interessat jikseb iktar informazzjoni dwar dan il-pakkett finanzjajru, jista’ jċempel liċ-Ċentru tas-Servizz għall-Klijenti tal-BOV fuq 2131 2020, iżur l-eqreb fergħa tal-BOV jew billi jidħol fis-sit www.bov.com.