Il-vapur Sea Watch 3 irritorna fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ qrib il-kosta Libjana. Dan wara li kien tħalla jitlaq mill-Port il-Kbir ta’ Malta fl-20 ta’ Ottubru, wara li kien illegalment maqbud mill-awtoritajiet għal erba’ xhur.

Il-vapur reġa’ lura fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ mal-organizzazzjonijiet Open Arms u Mediterranea. Fi stqarrija, Sea Watch qalet li l-flotta ta’ tliet vapuri se tkompli taħdem fiċ-ċentru tal-Mediterran u tiddokumenta atti ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Johannes Bayer li jmexxi l-ħidma ta’ salvataġġ ta’ Sea Watch 3, qal li filwaqt li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jkomplu jissieltu biex iqassmu l-persuni salvati, l-organizzazzjoni se tibqa’ taqdi l-obbligu tagħha għas-solidarjetà u d-drittijiet tal-bniedem.

Temm jgħid li huma ma jridux jgħixu f’Ewropa li qed tibdel fruntiera marittima f’ċimiterju tal-massa. Saħaq li sakemm l-Ewropa tkompli tħalli n-nies jegħrqu fil-Mediterran, huma se jkomplu bl-attivitajiet tagħhom.

Agħfas hawn għal rapport dettaljat.