Ħafna ġenituri jqisu t-tranżizzjoni ta’ wliedhom mill-cot għas-sodda, bħala parti importanti fl-iżvilupp tagħhom. Barra minn hekk xi kultant dan jitqies bħala proċess urġenti jekk il-koppja tkun qed tistenna tarbija oħra.

Madanakollu, riċerka ġdida turi li t-tfal għandhom jibqgħu jorqdu fil-cot sa tliet snin għal diversi raġunijiet, li skont ix-xjentisti jibbenefikaw kemm it-tfal kif ukoll il-ġenituri.

Ir-riċerka li saret minn sptar tat-tfal u università f’Philadelphia, fl-Istati Uniti analizzat ir-rutina tal-irqad ta’ kważi 2,000 tarbija u l-ġenituri tagħhom f’ħames pajjiżi – Ir-Renju Unit, l-Awstralja, l-Istati Uniti, il-Kanada u New zealand.

Il-punti ewlenin tal-istudju ppubblikat fi Sleep Medicine:

  • Dawk li jorqdu fil-cots sa tliet snin ikollhom rutina aħjar fl-irqad.
  • It-tfal iħossuhom inqas imdejqin u jkunu inqas irrittabbli meta jaqbadhom in-ngħas.
  • Il-ġenituri jibbenefikaw minn aktar ħin tal-irqad.

L-istess studju jgħid li jekk it-tfal li jkunu taħt it-tliet snin, ikunu bdew jixxabbtu mal-cot, biex isserraħ rasek tista’ ssib soluzzjonijiet diversi, minflok tiddeċiedi li tibda traqqadhom fis-sodda.

Psikologa tat-tfal f’Colorado fl-Istati Uniti, li ma kinitx involuta f’dan l-istudju, qalet li l-adulti jħarsu lejn il-cots bħala gaġeġ, iżda irrimarkat li ma jitqisux hekk mit-tfal. “It-tfal jippreferu spazji żgħar, għax iħossuhom aktar siguri u komdi. Innota, ħafna tfal imorru jilagħbu taħt xi mejda jew f’kaxxi kbar”, żiedet tgħid.