Xita, riħ, u bard – hekk qed ibassru numru ta’ siti lokali dwar it-temp għal għada t-Tlieta. Skont l-ajurport ta’ Malta, il-Ħamis u l-Ġimgħa biss mhux se jkun hemm xita.

Is-sit FirstMalta qal li sistema ta’ pressjoni baxxa se twassal għal riħ li jitla’ sa forza 8. Skont is-sit, “ir-riħ pjuttost kiesaħ se jwassal sabiex it-temperaturi ma jaqbżux it-18 °C u mal-lejl jinżlu sa 14 °C.” Intqal ukoll li hemm ċans ta’ xita.

Il-paġna ta’ Facebook, it-Temp Madwarna, qalet ukoll li r-riħ se jonfoħ b’forza 8 li jista’ anke jilħaq forza 9. Intqal li l-mewġ jista’ jilħaq is-seba’ metri.

Il-paġna ta’ Facebook Gozo Weather Page qalet li r-riħ qawwi mistenni jonfoħ bejn it-3 am tat-Tlieta u d-9 pm tal-Erbgħa.

L-ajruport ta’ Malta qal li llum it-temperatura kienet dik ta’ madwar 21 °C. Din mistennija tinżel xi ftit gradi matul il-ġimgħa.