Ċifri ekonomiċi jindikaw li l-ekonomija Ġermaniża qed tkun ftit iktar kajmana fit-tkabbir tagħha. Skont stħarriġ li sar mill-Ifo Institute ibbażat fi Munic h fil-Ġermanja stess, jindika li l-indiċi magħruf bħala Ifo Business Climate Index niżel għal 102.0 punti f’Novembru kontra il-102.9 f’Ottubru. Dan ifisser it-tielet tnaqqis konsekuttiv f’dawn l-indiċi.

Ir-riċerka Ifo Business Climate hija bbażata fuq madwar 9,000 rispons kull xahar minn kumpaniji fil-qasam tal-manifattura, tas-servizzi, tal-kummerċ u tal-kostruzzjoni.
F’kummenti li ta lil CNBC, il-President tal-Ifo Institute Clemens Fuest, qal li s-sentiment fost il-kummerċjanti fil-Ġermanja niżel hekk kif l-attività naqset xi ftit. Fi kliemu hemm sinjali ċari li ż-żmien posittiv ta’ tkabbir qed joqrob lejn tmiemu, l-ekonomija qed tikkalma.

Fuest qal li l-introduzzjoni ta’ standards ġodda ta’ emissjonijiet fil-qasam tal-karozzi fil-Ġermanja kien fattur importanti li għen fit-tnaqqis, kien hemm ukoll evidenza iktar wiesa’ ta’ tnaqqqis strutturali fost is-setturi kollha. Sostna li l-indikazzjonijiet huma li l-ekonomija dinjija qed tnaqqas xi ftit ukoll.

Hemm diversi fatturi ta’ riskju fosthom is-sitwazzjoni fl-Italja u l-Brexit, li qed iwasslu għal tnaqqis fit-tkabbir.

Xejra ta’ tnaqqis fil-‘FAANG Stocks’ fl-aħħar ġimgħat

Fl-aħħar ġimgħat kien hemm tnaqqis fil-valur fost dawk li jissejħu l-FAANG Stocks. Dawn m’huma xejn ħlief l-istocks ta’ Facebook, Amazon, Apple, Netfix u Alphabet ta’ Google. Ċifri maħruġa l-ġimgħa li għaddiet jindikaw li kollha sofrew tnaqqis fl-aħħar sitt ġimgħat. Analisti ekonomiċi saħqu li dan huwa riżultat ta’ tbassir diżappuntanti fid-dħul mistenni fil-futur.

Kollettivament, dawn il-ħames stocks tilfu kważi Triljun dollaru amerikan fil-valur minn mindu laħqu l-quċċata tal-valur tagħhom rispettivament.

Partikolarment Facebook baqa’ jsofri minħabba l-image negattiv li rabba fl-aħħar snin tort tal-mod ħażin kif irreaġixxa għal kwistjonijiet relatati mal-influwenza barranija fl-elezzjonijiet tal-2016, u kwistjonijiet oħra marbuta mal-privatezza tal-utenti. Amazon kompla jitlef fil-valur wara li ma laħaqx l-aspettatvi għall-aħħar xhur tas-sena. Filwaqt li l-ishma ta’ Apple niżlu wara li l-Wall Street Journal irrapurtat li l-kumpanija naqset l-ordnijiet ta’ uħud mill-mudelli tal-mobiles tagħhom. Intant kemm l-ishma ta’ Netflix kif ukoll dawk ta’ Alphabet komplew jinżlu flimkien mal-kumplament tal-FAANG stocks.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.