Il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant ħabbar permezz ta’ Facebook li reġa’ ħiereġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej.

Huwa spjega li ġie ssekondat mill-Ministru Helena Dalli, minn Joe Debono Grech u minn Tommy Dimech bħala kandidat għall-Partit Laburista.

Dan wara li tertaq qlub is-segwaċi tiegħu peress li nhar il-Ġimgħa jagħluq l-applikazzjonijiet. Il-Prim Ministru Joseph Muscat stess qal pubblikament li l-partit għandu bżonn lill-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, għal liema stqarrija, Sant qal li ma jixtieqx jiddiżappunta lill-Prim Ministru. 

Huwa ġie elett l-ewwel darba li ħareġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 b’48,739 vot.