L-MEP Alfred Sant talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tiċċara t-tul ta’ żmien minimu ta’ ttardjar ta’ titjiriet bl-ajruplan li jintitola lill-passiġġieri għal kumpens skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li hemm diskrepanza ċara bejn 3 sigħat ta’ ttardjar bħalma jgħid is-sit tal-Kummissjoni Ewropea u sagħtejn ta’ ttardjar skont ir-regoli tad-drittijiet ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru fl-UE.

Sant qal li s-sit ‘Your Europe’ tal-Kummissjoni Ewropea, maħsub biex jagħti parir liċ-ċittadini tal-UE dwar ivvjaġġar bl-ajru, jgħid li jekk passiġġieri ma jaslux fid-destinazzjoni finali tagħhom minħabba ttardjar ta’ tliet sigħat jew aktar, huma intitolati għal kumpens jekk l-ittardjar ma jkunx ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji.

Min-naħa l-oħra, Sant innota li r-Regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru jgħidu li f’każ li titjira tittardja b’sagħtejn jew aktar meta tkun ta’ 1500 kilometru jew inqas, il-passiġġieri jieħdu kumpens ta’ €250.

Kien għal dir-raġuni li l-MEP Malti talab lill-Kummissjoni Ewropea tkun ċara dwar kemm sigħat ittardjar ta’ vvjaġġar bl-ajru jintitolaw liċ-ċittadini li jużaw it-trasport bl-ajru fl-UE għall-kumpens. Huwa talab li dawn il-kjarifiki jkunu aktar aċċessibbli għall-pubbliku.