B’kitba u direzzjoni ta’ Malcolm Galea, din il-ħrafa klassika ġiet aġġornata b’kunċett ġdid u mhux tas-soltu li żgur se jinżel għasel mal-udjenzi Maltin — żgħar u kbar.

Għal darb’oħra, l-MADC se ttella’ pantomima b’kast impressjonanti magħmul minn artisti lokali magħrufa u oħrajn li qed jistabbilixxu ruħhom fix-xena.

Ritratt: Sebio Aquilina

Waqt il-programm Kun Afhom Aħjar, l-atturi bravissimi Michael Mangion, li se jinterpreta l-parti tad-‘Dame’ u Joe Depasquale, li se jkun il-‘Landlord’ kattiv, tkellmu ma’ Coryse Borg dwar x’jistgħu jistennew l-udjenza tal- pantomima tal-MADC din is-sena. Il-kast jinkludi wkoll lil Matthew Ben Attard, Katherine Brown, Christina Despott, Rachel Tedesco Triccas, Audrey Scerri u Sean Briffa.

Maestro Paul Abela u Roger Tirazona se jiżguraw li l-mużika tibqa’ ta’ livell għoli, filwaqt li l-koreografu Francesco Nicodeme jiffoka biex jipperfezzjona ż-żfin u l-moviment tal-kast matul l-ispettaklu. Is-sett, il-kostumi u l-valur tal-produzzjoni spettakolari li mdorrijin jistennew l-udjenzi Maltin minn kull pantomima tal-MADC mhux se jkunu ta’ diżappunt din is-sena, hekk kif Ray Farrugia qed jiddisinja s-sett, filwaqt li Isabel Warrington qed tiddisinja l-kostumi.

Jack and the Beanstalk se tittella’ fl-MFCC f’Ta’ Qali fis-7.30pm fit-23, 26, 27, 28, 29, u 30 ta’ Diċembru 2018 u fit-3, l-4 u l-5 ta’ Jannar 2019, b’rappreżentazzjonijiet matul il-jum jibdew fit-3pm fis-26, 29 u 30 ta’ Diċembru 2018. Il-biljetti jinsabu għall-bejgħ mill-websajt tal-MADC.

Iktar informazzjoni mill-pagna tal-Facebook.