Audrey kienet single mother f’Las Vegas fl-Istati Uniti. Kellha bżonn tmur l-isptar għal xi testijiet u talbet lil ġara tagħha Tisha jekk it-tlett uliedha jistgħux jorqdu għandha. Tisha u r-raġel tagħha Kevin li għandhom ħamest itfal aċċettaw bil-qalb kollha, avolja ma tantx kellhom spazju.

It-testijiet ta’ Audrey ma marrux tajjeb. Saret taf li għandha kanċer fl-istonku. Riedet isserraħ rasha li wliedha jkollhom min jieħu ħsiebhom wara li tmut. Ħadet ċans ma’ Tisha u Kevin li aċċettaw il-kustodja legali tat-tfal.

Tisha ġiet nominata għal sorpriża mingħand Fox5 Surpise Squad. Meta ta’ Fox5 marru għand Tisha hija qalet li trid issir foster mother għat-tfal ta’ Audrey. Qalet ukoll li aċċettat lit-tfal ta’ Audrey għax ma xtaqitx li dawn imorru ġewwa foster home u jgħaddu min dak li għaddiet hi meta kienet żgħira. Qalet ukoll li ħaqqhom familja li tħobbhom u kenn ta’ dar. Stqarret li għalkemm qatt ma kienu f’ġufha wlied Audrey huma f’qalbha.

Ta’ Fox5 qalulha li se jirranġawlha ħajt, iżda minflok irranġawlhom id-dar kollha ħalli l-10 membri tal-familja jkollhom dar iżjed addattata. Il-komunità kollha għenet għal dan il-għan. Tisha bl-eżempju tagħha wriet li azzjoni tajba dejjem tiġi apprezzata.