Għall-10 anniversarju mill-ftuħ tal-Majjistral: Park ta’ Natura u Storja se ssir ċelebrazzjoni sħiħa mifruxa fuq ġimgħa ta’ attivitajiet immirati lejn il-familja fil-park stess bejn illum u d-9 ta’ Diċembru.

Nhar is-Sibt 8 ta’ Diċembru, u l-għada l-Ħadd, il-Majjistral se jinbidel f’park ta’ avventura b’varjetà ta’ attivitajiet li se jsiru fil-miftuħ u seminars edukattivi li għandhom l-għan li jżidu l-apprezzament tal-pubbliku lejn dak li għandha x’toffri l-art u kif din tista’ tiġi  protetta. Tfal tal-iskola se jżuru l-park matul il-ġimgħa.

Ibbażata fuq tliet fatturi: ‘tgħallem, esplora u sostni’, Festa Natura twiegħed li se tkun ċelebrazzjoni tal-ġid tan-natura u s-sbuħija naturali tal-pajsaġġ protett Malti.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Sammy Vella, Ċerpersin tal-Bord tat-tmexxjia tal-Park Majjistral, li spjega li se jkun hemm programm sħiħ ta’ attivitajiet għall-familja kollha u għal ħafna gosti differenti.

Dawn jinkudu:

·        yoga għall-adulti u għall-familji;

·        trekking għal dawk li għadhom jibdew kif ukoll għall-avventurużi;

·        sparar bil-qaws;

·        għawm bil-maskla u kayaking;

·        abseiling u zip-lining għat-tfal u l-kbar;

·        tours gwidati bir-rota;

·        sigħat ta’ tindif;

·        fotografija tal-pajsaġġ u l-ħlejjaq selvaġġi;

·        osservazzjoni tal-għasafar; u

·        mixjiet gwidati 

Biex issir enfasi akbar dwar il-fattur tas-sostenibbiltà tal-avveniment, se jitħawlu aktar minn elf siġra fil-park matul il-ġimgħa biex ifakkru dan l-anniversarju.

L-aspett edukattiv se jissaħħaħ permezz ta’ taħditiet minn esperti fuq suġġetti varji:

·        Alfred E. Baldacchino se jmexxi taħdita dwar il-friefet,

·        Peter Gatt dwar ir-reċipjenti tad-dud u l-benefiċċji tagħhom fuq il-ħamrija,

·        Skark Lab dwar il-ħajja fil-baħar u

·        Greenhouse dwar il-konservazzjoni.

·        Għal dawk li huma interessati fl-arkeoloġija u l-istorja, Dr Keith Buhagiar se jitkellem dwar il-pajsaġġ kulturali tal-park qabel l-1530 u

·        Ghislaine Calleja se titħaddet dwar l-istorja nazzjonali u naturali tal-Park tal-Majjistral. 

Il-Park tal-Majjistral jibda mir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay) sal-Prajjet u x-Xagħra l-Ħamra. B’sitt kilometri kosta, siti ta’ importanza storika u arkeoloġika mifruxa matulu, attivitajiet agrikoli, u ħabitats naturali vibranti, il-park hu meqjus bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni ta’ Importanza Internazzjonali fi ħdan in-netwerk ta’ siti Natura 2000. 

Riservazzjonijiet tal-attivitajiet jistgħu jsiru mill-portal www.festanatura.org. Il-parteċipazzjoni tal-attivitajiet hija bla ħlas għal kulħadd, imma donazzjonijiet huma apprezzati. 

L-attivitajiet u l-istands se jkunu miftuħin għall-pubbliku nhar is-Sibt u l-Ħadd, 8 u 9 ta’ Diċembru bejn id-9am u s-6pm.

Festa Natura qed tittella’ mill-Majjistral: Park ta’ Natura u Storja flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Bidla fil-Klima u l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent. 

Tista segwi ‘Il-Majjistral: Park ta’ Natura u Storja’ fuq Facebook.  Għal aktar tagħrif dwar dan l-avveniment ibgħat imejl fuq events@majjistral.org.