Il-Qorti Olandiża ma laqgħetx it-talba ta’ raġel li fittex li jnaqqas l-età tiegħu b’20 sena. Ix-xahar li għadda Emile Ratelband talab il-Qorti biex minflok 69 sena jiġi għandu 49 sena. Huwa sostna li l-età uffiċjali ma tirriflettix l-istat emozzjonali u dan kien qed iwassal biex isibha diffiċli jsib xogħol u l-imħabba.

Huwa saħaq li ma jħossux ta’ 69 sena u t-talba tiegħu kienet konsistenti mat-talbiet simili ta’ trasformazzjonijiet personali li qed jiġu aċċettati madwar id-dinja bħal per eżempju t-tibdil fl-isem jew fil-ġeneru.

Il-Qorti qalet li filwaqt ir-raġel għandu dritt jħossu u jaġixxi ta’ persuna għoxrin sena iżgħar, jekk isir tibdil fid-data tat-twelid tiegħu ikun qed ifisser li r-rekords ta’ 20 sena jitneħħew mir-reġistru tat-twelid, mewt, żwieġ u sħubija rreġistrata. Il-Qorti spjegat li dan iffisser li jkun hemm numru ta’ implikazzjonijiet kemm legali kif ukoll soċjali li mhumiex mixtieqa.

Huwa mifhum li Ratelband naqas milli jikkonvinċi l-Qorti li huwa sofra minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tiegħu.