Papa Franġisku jilqa' grupp ta' voluntiera minn Sardinja

Is-servizz tal-volontarjat hu għażla li tiftaħ lill-bniedem għall-bżonnijiet tal-oħrajn, għall-bżonnijiet tal-ġustizzja, għad-difiża tal-ħajja, għall-protezzjoni tal-ħolqien u b’attenzjoni speċjali għall-morda, speċjalment anzjani li huma teżor ta’ għerf.

B’dan il-kliem, il-ġimgħa li għaddiet il-Papa Franġisku sellem lil grupp ta’ voluntiera minn Sardegna li marru jarawh biex ifakkru l-20 anniversarju mit-twaqqif tal-grupp Sardegna Solidale.

“Intom tirrappreżentaw mijiet ta’ voluntiera minn Sardinja li taħdmu biex tagħtu servizz lill-inqas wieħed fostkom f’territorju sinjur fit-teżori naturali, fl-istorja, fl-arti imma milqut ukoll mill-faqar u t-tbatija. Nesprimi l-apprezzament tiegħi għal dak li għamiltu u għadkom qed tagħmlu għall-benefiċċju tas-sezzjonijiet dgħajfa tal-poplu ta’ Sardinja u naf li qed taħdmu wkoll f’partijiet oħra tad-dinja.  Dan hu mportanti għax ifisser li m’intomx iżolati imma minkejja l-ħtiġijiet kbar tal-gżira tagħkom, żammejtu miftuħ l-orizzont tas-solidarjetà. B’hekk irnexxielkom tilqgħu u tinkludu fil-komunità tagħkom lil dawk li waslu fostkom minn pajjiżi oħra jfittxu l-paċi u x-xogħol.

“L-Assoċjazzjoni tagħkom tiġbor fiha diversi organiżazzjonijiet volontarji li jaħdmu f’oqsma differenti biex il-ħidma tagħkom favur dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet diffiċli tkun aktar effettiva. Inħeġġiġkom tkomplu f’dan l-ispirtu ta’ għaqda u ftehim; b’hekk tkunu kapaċi tferrxu l-kultura tas-solidarjetà. Biex ninterpretaw il-ħtiġijiet awtentiċi tan-nies u nwieġbu għalihom b’mod adegwat, irridu naħdmu f’kollaborazzjoni mar-realtajiet istituzzjonali tat-territorju, b’mod partikolari mal-muniċipalitajiet u l-parroċċi li huma qrib il-poplu fuq bażi ta’ kuljum u jafu t-tbatija u t-tama tagħhom.

“Il-kultura tas-solidarjetà u l-ġenerożità, tgħolli l-volontarjat u tikkontribwixxi b’mod konkret biex tinbena soċjetà fraterna li fil-qalba tagħha hemm il-persuna umana. F’pajjiżkom, din il-kultura ġejja mill-għeruq insara, jiġifieri mill-imħabba lejn Alla u l-ġirien. Ġesù fil-Vanġelu, jistedinna nħobbu ‘l Alla b’qalbna kollha u lill-proxmu tagħna bħalna nfusna. Hi l-imħabba t’Alla li tgħina naraw fil-proxxmu lil dak ħuna jew oħtna li għandna nħobbu.

“Dan jinħtieġ impenn volontarju u personali li għalih l-istituzzjonijiet pubbliċi jistgħu u għandhom joħolqu kundizzjonijiet favorevoli fejn il-volontarjat jista’ jaħdem. Grazzi għal din l-ispirazzjoni evanġelika, l-għajnuna tagħkom iżżomm dimensjoni umana. U preċiżament għal din ir-raġuni intom il-voluntiera tikkontriwixxu biex jingħata wiċċ uman u nisrani lis-soċjetà tagħna.

“Inħeġġiġkom tkomplu l-missjoni tagħkom b’passjoni u tfittxu l-forom kollha possibbli u kostruttivi biex tgħinu lis-soċjetà ċivili tagħraf u timpenja ruħha biex taħdem għall-ġid komuni b’appoġġ għall-fqir u l-batut. Hemm bżonn ta’ nies li jipperseveraw, li jiffaċċaw id-diffikutaljiet fi spirtu ta’ għaqda u jpoġġu s-servizz lejn l-oħrajn fil-bażi ta’ kull ma jagħmlu,” temm jgħid Papa Franġisku.